Il-Ministru Farrugia Portelli tgħid lill-poplu biex jaqra ktieb
Is-Swatar, San Ġwann, Birżebbuġa, ir-Rabat, in-Nadur, l-Msida, l-Ħamrun, l-Imtarfa, Ħad-Dingli, l-Isla, Santa Venera, l-Għargħur, ix-Xagħra u ż-Żebbuġ Għawdex – lista twila ta’ lokalitajiet li issa kumplessivament ilhom sigħat twal bil-provvista tal-elettriku ġejja u sejra – fejn uħud għar-raba lejl kellhom jibqgħu għas-sħana u l-attakki tal-affan. B’uħud minn dawn il-lokalitajiet li jinsabu mingħajr provvista tal-elettriku lanqas biss qed jiġu mmarkati fuq il-mappa tal-website tal-Enemalta.
Din il-kriżi nazzjonali issa ilha sejra għal ġimgħa sħiħa bil-ħidma kontinwa tal-ħaddiema tal-Enemalta għaddejja madwar Malta u Għawdex sabiex il-familji Maltin u Għawdxin ikollhom lura d-dawl.
Diversi anzjani u familji sħaħ qed iqattgħu jiem mingħajr provvista tal-elettriku, b’uħud lanqas jistgħu isajru jew jinħaslu minħabba li l-forn jaħdem bl-elettriku u l-ilma jasalilhom bil-pompa; f’nofs heatwave qawwija bit-temperaturi jlaħħqu s-37 grad celsius filgħaxija … trabi, anzjani u persuni b’kundizzjoni jew oħra jkollhom jaffaċċjaw din l-isfida xejn dinjituża.
Apparti minn hekk, bosta kellhom jarmu mijiet ta’ ewro f’ikel, iselmu għall-aħħar darba lill-annimali domestiċi tagħhom li ma felħux aktar għas-sħana, oħrajn kellhom jaraw fejn se jkesħu l-mediċina, uħud spiċċaw jorqdu barra fil-karozza għal daqsxejn arja kundizzjonata – dan filwaqt li ħaddieħor spiċċa jfarrak lejl wieħed wara l-ieħor – fis-sħana, dlam, tidlik u qtugħ ta’ nifs…minkejja li l-għada bħal kull ċittadin ieħor kellu jqum kmieni għax-xogħol.
Sitt ijiem fejn ħwienet kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom, supermarkets ineħħu l-prodotti, sidien ta’ proprjetarjiet għal kiri lit-turisti jispiċċaw b’kollox lampa stampa ma wiċċhom.
Sitt ijiem fejn il-Gvern ta’ Robert Abela prattikament baqa fommu sieket – ebda indirizz uffiċjali lill-poplu – għajr briefings fil-magħluq minn naħa tal-Enemalta fil-preżenza tal-Ministru Miram Dalli.
Madanakollu ebda soluzzjoni, u serħan il-moħħ. Ħadd ma jaf b’ċertezza x’qiegħed jikkawża din il-kriżi nazzjonali – bl-unika dikjarazzjoni tkun li dan qed iseħħ minħabba li qed jisħnu l-cables taħt l-art…jew l-appelli biex tieħu paċenzja, bħal ma stqarret fuq Facebook il-Ministru Julia Farrugia Portelli….fejn qalet illi dan huwa ċans biex taqra ktieb.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jisħaq li l-familji Maltin u Għawdxin ħaqqhom id-dinjita li verament tixraqilhom, li jingħataw kumpens b’mod sħiħ, xieraq u awtomatiku kif ukoll li l-investimenti fil-manutenzjoni jsiru b’mod kostanti. Dan filwaqt illi insista sabiex il-Ministru Dalli terfa’ r-responsabbiltà politika u tirriżenja.
//= $special ?>