Internazzjonali

Il-Greċja: Emerġenza ta’ nirien f’Rodi, bis-sitwazzjoni għat-turisti fil-gżira tibqa’ waħda imprevedibbli

L-awtorijiet fil-gżira Griega ta’ Rodi fl-aħħar sigħat ikkonfermaw li qegħdin jiffaċċjaw waħda mill-aktar sitwazzjonijiet ta’ nirien diffiċli f’dawn l-aħħar 60 sena waqt li wissew li s-sitwazzjoni kapaċi tiggrava bejn issa u għada, it-Tlieta.

In-nirien qalb foresta żiedu fl-intensità, intant, wasslu għall-evakwazzjoni ta’ aktar minn 20,000 persuna permezz tal-vetturi u d- dgħajjes. Fl-istess ħin, eluf ta’ turisti f’Rodi jinsabu f’limbu peress li n-nirien komplew jinfirxu u bis-sitwazzjoni ssir dejjem aktar inċerta.

Dan waqt li diversi kumpaniji għall-ivvjaġġar u l-linji tal-ajru ħassru t-titjiriet ipprogrammati lejn Rodi sakemm is-sitwazzjoni tirritorna għan-normal.

Il-Greċja għaddiet mill-agħar perjodu ta’ sħana għal weekend ta’ Lulju tul dawn l-aħħar 50 sena. Dan meta mhux mistenni li l-pajjiż jieħu n-nifs mill-kundizzjonijiet impossibbli matul il-jiem li jmis – l-istess bħas-sitwazzjoni fl-Italja, Spanja, il-Portugall u anki l-Kroazja; bl-aħħar pajjiż (fir-reġjun tal-Balkani) ukoll jinsab għaddej minn temperaturi tas-sħana rekord.

Fi tmiem il-ġimgħa, eluf ta’ nies kienu evakwati mid-djar u l-lukandi ta’ Rodi, bid-dgħajjes privati jissieħbu mal-gwardjani tal-kosta Griegi biex jiġbru lin-nies iddisprati li ffullaw il-bajjiet lejn il-lvant tal-gżira. Intant, il-bastimenti tan-Navy Grieg u numru ta’ ħelikopters ħadu sehem fl-evakwazzjoni, b’numru ta’ lukandi fi Kiotari u zoni oħrajn ta’ Rodi jġarrbu l-ħsarat min-nirien.

Il-meteoroloġisti qed iwissu li t-temperaturi fil-Greċja jistgħu jibqgħu konsistenti bejn l-44 u l-45 grad Celsius matul il-jiem li ġejjin, bl-iskwadri għat-tifi tan-nirien qed ikomplu jikkumbattu man-nirien qalb foresta madwar il-pajjiż. L-agħar zoni milqutin min-nirien, minbarra Rodi, jinsabu lejn il-Punent ta’ Ateni, kif ukoll f’Laconia, fil-penisola ta’ Peloponnese.