Għaddew iktar minn seba’ xhur mit-traġedja li seħħet fit-3 ta’ Diċembru tal-2022 u għal xhur sħaħ bqajna ma smajna xejn minn min hu f’awtorità ħlief kliem fieragħ.
Nhar is-Sibt 3 ta’ Diċembru tal-2022, Jean Paul Sofia, li kellu għoxrin sena tilef ħajtu meta nqabad taħt it-tifrik tal-binja li ġġarfet f’Kordin. Il-katavru tiegħu nħareġ mill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili kmieni l-għada, l-Ħadd filgħodu, wara ħidma ta’ salvataġġ illi damet ‘il fuq minn ħmistax-il siegħa. Jean Paul Sofia safa’ maqtul, ħabta u sabta. Instab mejjet taħt it-terrapien.
Kien irrappurtat li Jean Paul Sofia kien ilu biss seba’ minuti fil-parti ta’ ġewwa tas-sit tal-kostruzzjoni. Wara li għaddew seba’ xhur, sal-lum għadu mhux ċar għalfejn kien qiegħed hemm. Kien proprju f’dan il-mument meta l-bini ġġarraf f’temp ta’ żewġ sekondi. Biż-żagħżugħ, Jean Paul Sofia, jinqabad taħt tliet sulari ta’ terrapin u materjal tal-kostruzzjoni. Jean Paul safa’ vittma tal-kilba u l-gula.
“Qas ħadd ma jista’ jimmaġina d-dulur li kellhom jgħaddu minnu ommu u missieru u l-qraba ta’ Jean Paul Sofia. Ara x’dulur għaddejja minnu dik l-omm. Ħadd u xejn ma jista’ jsabbarha. Qatlulha lil binha f’radda ta’ salib.”
Hekk beda biex qal id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia meta fil-jiem li għaddew tkellimna fit-tul dwar din it-traġedja li ħasdet lil pajjiżna kif ukoll dwar l-aħħar żviluppi li seħħew meta nhar it-
Tnejn li għadda Robert Abela baxxa rasu għar-rieda tal-familja ta’ Jean Paul Sofia u aċċetta li ssir Inkjesta Pubblika.
Talba u karba li Robert Abela seta’ aċċetta li jilqa’ mill-ewwel u mhux jagħżel, minn rajh, li jgħaddi lil din l-omm u lil din il-familja, diġà feruti bit-traġedja tat-telfa ta’ binhom, minn kalvarju sħiħ. Bla dubju ta’ xejn li l-imġiba ta’ Robert Abela f’din is-saga kollha wasslet messaġġ ċar ħafna… kemm ir-raġel hu insensittiv u kemm għandu qalbu iebsa fil-veru sens tal-kelma.
It-test sħiħ tal-intervista ma’ Jerome Caruana Cilia hu:
Inti, sa mill-bidunett, imxejt din il-mixja ma’ Isabelle, John u l-qraba ta’ Jean Paul Sofia. Kif kienet l-esperjenza?
Ftit wara li seħħet it-traġedja s-sena li għaddiet, għamilt kuntatt ma’ Isabelle u l-qraba ta’ Jean Paul. Ma stajtx inħalli lil Isabelle u lil John waħedhom f’din il-ġlieda favur il-verità u l-ġustizzja. Dakinhar tajt kelma lill-familja ta’ Jean Paul li se nkun magħhom sal-aħħar, sakemm issir ġustizzja.
Infakkar li kienet ommu Isabelle, f’isem il-qraba u l-ħbieb li sejħet għall-ħatra ta’ Inkjesta Pubblika. Wara li ma ta kasha ħadd, jien f’isimha u f’isem il-familja għamilt din it-talba waqt Aġġornament fil-Parlament, f’Jannar ta’ din is-sena.
Wara li jien ukoll ġejt injorat, għamilt Mistoqsija Parlamentari diretta lill-Prim Ministru fejn b’mod ċar mill-ewwel wera li ma jridx jaħtar Inkjesta Pubblika. L-għajta għal Inkjesta Pubblika saret primarjament mill-familja u l-ħbieb tal-istess Jean Paul Sofia u minn dawk kollha ta’ rieda tajba.
Dawn ix-xhur ma kenux faċli, partikolarment għall-ġenituri u l-qraba ta’ Jean Paul. Nerġa’ ntenni li għandna nammirawha lil Isabelle Bonnici, li minkejja l-weġgħat li għaddejja minnhom, minkejja d-dulur perpetwu, minkejja t-tgħajjir personali lejha u nsulti mill-aktar moqżiegħża, baqgħet tiġġieled favur il-verità. Ngħidilha lil Isabelle, ma nistgħux inħalluk waħdek, ma ħallejnikx waħdek u m’aħniex se nħalluk waħdek.
Minkejja l-attakki personali lejha u lejn kull min kien favur li tinħatar l-Inkjesta Pubblika, hi baqgħet iffukata u determinata favur is-sewwa. Infakkar x’dejjem sostniet Isabelle, speċjalment qabel ma ttieħed il-vot dwar il-ħatra tal-Inkjesta Pubblika: “Din mhix kwistjoni ta’ kuluri għax nista’ nassigurakom li meta tagħmlu ħmistax-il siegħa tistennew biex joħorġu lil ibnek jew lill-ommok minn taħt it-tifrik l-ebda kulur ma jifdal ħlief iswed. Possibbli lesti tieħdu riskju fuq iben jew omm oħra? F’idejkom issa! F’idejn kull wieħed u waħda minnkom. Jean Paul huwa ċittadin Malti u t-tifel tagħkom ukoll. Tinsewx!”
Kif ħassejtek x’ħin rajt dik il-folla kbira nhar it-Tnejn li għadda?
Il-poplu tkellem. Kien hemm attendenza sabiħa ħafna. It-Tnejn li għadda kien hemm miġbura flimkien persuni li ġeneralment ikollhom opinjoni u ħsibijiet differenti minn xulxin. Opinjonijiet li xi minn daqqiet, anke opposti ta’ xulxin.
Imma nhar it-Tnejn kien hemm għan wieħed. Poplu magħqud favur il-ġustizzja, favur il-verità u favur it-trasparenza: l-għajta favur l-Inkjesta Pubblika fil-każ Jean Paul Sofia. Għax din hi kwistjoni li tmur lil hinn mill-partiġġjaniżmu politiku, ħafna ingħaqdu flimkien.
Kif qalet Isabelle, dan hu biss il-bidu. Irridu nibqgħu nagħtu s-sostenn lill-qraba ta’ Jean Paul Sofia sal-aħħar. Irridu nkunu ta’ appoġġ għal dawk kollha li sofrew jew fil-futur se jsofru inġustizzja. Irridu nkunu hemm għal dawk kollha li qed jiġu kkalpestati minn min hu f’awtorità. Il-ħidma tagħna favur is-sewwa u l-ħaqq trid tkompli tissaħħaħ.
Id-dibattitu Parlamentari dwar il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni il-Ħamis 6 ta’ Lulju
Il-Ħamis, 6 ta’ Lulju kellna seduta li fiha l-Oppożizzjoni ttella’ materja fuq l-Aġenda Parlamentari. Wara li l-Prim Ministru baqa’ jinjora t-talbiet tal-familja biex tinħatar Inkjesta Pubblika, il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kollu qabel li nressqu għad-diskussjoni l-
mozzjoni favur li tinħatar Inkjesta Pubblika dwar il-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia.
Dan wara li fis-7 ta’ Marzu li għadda, jien flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, u d-Deputati Robert Cutajar, Karol Aquilina u Stanley Zammit ressaqna mozzjoni li fiha, fost oħrajn, qed nisħqu li l-Prim Ministru għandu jaħtar Bord ta’ Inkjesta dwar il-mewt traġika taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, skont l-Att dwar l-Inkjesti, Kap. 273 tal-Liġijiet ta’ Malta, u li jkun għalkollox indipendenti mill-Gvern u mill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet kollha l-oħra.
Barra minn hekk qed ninsistu li l-Bord ta’ Inkjesta għandu jaħdem biex jippreżenta r-rapport tiegħu lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati fi żmien tliet xhur mill-ħatra tiegħu u r-rapport għandu jiġi ppubblikat minnufih u b’mod sħiħ mill-Iskrivan tal-Kamra u b’hekk isir b’mod pubbliku. Ħasra li l-Gvern qed jinjora għal kollox it-talba biex tinħatar Inkjesta Pubblika.
Dakinhar tas-seduta kien hemm antiċipazzjoni kbira. Il-każ Jean Paul Sofia u l-għajta tal-familja favur li tinħatar Inkjesta Pubblika kienet fuq fomm kulħadd.
Tista’ tgħid li kien hemm pajjiż sħiħ isegwi u jistenna x’se jkunu qed jagħmlu il-membri tal-Gvern. Jien ressaqt il-mozzjoni f’isem l-Oppożizzjoni Nazzjonalista u ftaħt id-dibattitu Parlamentari. Il-Gvern iddeċieda li l-vot ma jittieħitx dakinhar imma l-Erbgħa ta’ wara, fl-aħħar seduta Parlamentari qabel il-ferjat tas-Sajf.
Il-vot itteħed l-Erbgħa 12 ta’ Lulju
Stennija u tensjoni kbira. Nhar l-Erbgħa 12 ta’ Lulju, kien hemm sentiment partikolari ħafna fil-plenarja. L-istrangers gallery kienet prattikament mimlija. Omm, missier u l-qraba ta’ Jean Paul Sofia kienu preżenti. Kien hemm numru ta’ żgħażagħ, studenti u rappreżentanti ta’ għaqdiet varji.
Wasal il-mument tal-vot. Il-Membri Parlamentari Laburisti kollha vvotaw kontra l-Inkjesta Pubblika. Il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kien magħqud favur li tinħatar Inkjesta Pubblika. Dlonk tkellmu l-qraba ta’ Jean Paul. Kulħadd ra x-xeni ta’ qsim il-qalb. Id-dulur tal-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia, il-qraba u l-ħbieb ta’ Jean Paul kien wieħed kbir. Il-weġgħa tagħhom ġiet espressa bl-iktar mod ċar.
Il-Membri Parlamentari Laburisti dehru skomdi ħafna. Il-poplu kien urtat. Is-social media kien mifqugħ bil-messaġġi u l-kummenti.
Saħansitra persuni li qatt ma azzardaw jidħlu f’temi politiċi jew qatt ma segwew xi seduta parlamentari, ikkummentaw u urew id-diżapprovazzjoni tagħhom mhux biss għall-vot tal-Membri Parlamentari Laburisti imma wkoll għall-aġir ta’ wħud minnhom fil-Parlament. Il-poplu ma setax jifhem: kif tista’ tivvota kontra li tinħatar Inkjesta Pubblika?
Kif tista’ tivvota kontra li ssir ġustizzja ma’ Jean Paul Sofia? Kif tista’ tivvota kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li tressqet f’isem il-qraba ta’ Jean Paul Sofia? Il-poplu kompla jistaqsi: Għalfejn il-Gvern qed jibqa’ stinat u ma jridx Inkjesta Pubblika? Forsi se jinkixfu stejjer ta’ persuni li b’mod sfaċċat kissru numru ta’ policies u regulations? Lil min qed jgħattu?
Forsi dawn il-persuni huma qrib ħafna tal-Partit Laburista? Possibbli dawn il-persuni involuti għandhom daqstant saħħa li ma jħallux lill-Prim Ministru jaħtar Inkjesta Pubblika? Il-Gvern għalfejn qed jibża’ minn Inkjesta Pubblika? Kemm se ddejjaq nies il-konklużjoni tal-Inkjesta Pubblika? Minn xiex qed jibżgħu? Lil min qed jiddefendu?
Prattikament, ma’ kull min titkellem dwar dan il-każ kien jgħidlek li hemm bżonn li tinħatar Inkjesta Pubblika ħlief il-Prim Ministru u l-establishment Laburista. Isabelle ma qatgħetx qalbha u baqgħet tinsisti mal-Gvern biex jaħtar l-Inkjesta Pubblika.
Bil-pressjoni tkompli tiżdied anke minn persuni viċin tal-Partit Laburista stess, il-Prim Ministru ċeda u t-Tnejn tard waranofsinhar, ftit ħin qabel ma kellha tibda l-velja ħabbar li se jaħtar Inkjesta Pubblika. Wara xhur jinjora lill-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia, wara xhur jibqa’ stinat u akkost ta’ kollox ma jridx Inkjesta Pubblika… il-Prim Ministru ċeda. Il-buon sens rebaħ.
L-akbar forma ta’ karità
Il-politika hi l-ogħla forma ta’ karità. Bħala Membri Parlamentari għandna d-dover li nkunu hemm għan-nies fl-aktar mumenti diffiċli. Id-dover ta’ kull wieħed u waħda minnha hu li nkunu ta’ leħen sod għal min hu bla leħen.
Li nagħtu vuċi lil min m’għandux. Li nkunu ta’ spalla ma min qiegħed għaddej minn mumenti diffiċli. Li nkunu hemm għal dawk il-persuni u l-familji li qegħdin isofru inġustizzja. Li nkunu hemm għal dawk l-iktar vulnerabbli.
Li nkunu hemm għal dawk il-familji li qed ifittxu l-ħaqq. Li tassew ikollna Parlament li jindirizza l-isfidi tan-nies. Li naħdmu qatigħ għall-ġid komuni. Minkejja l-ostakli kollha, jeħtieġ li ma nieqfu qatt naħdmu favur dak li hu sewwa.
//= $special ?>