Lokali

Isabelle Bonnici tasal fil-Qorti hekk kif illejla tressqu l-persuni akkużati bil-każ traġiku ta’ binha

Ritratt: Martin Agius

Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia, waslet fil-bini tal-Qorti ftit tal-ħin ilu hekk kif illejla tressqu l-persuni akkużati bil-każ traġiku ta’ binha.

Jean Paul Sofia tilef ħajtu traġikament wara li kkrollat binja f’Kordin, u tul dawn ix-xhur kollha l-Pulizija kienu għadhom ma wettqu ebda arresti. Dan għaliex il-Kummissarju Angelo Gafà, skont kif qalilna hu stess, kien qed jistenna l-Inkjesta Maġisterjali tiġi konkluża.

Fit-traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ Sofia kien hemm involuti ħames persuni oħra. Dawn kienu tliet Albanizi ta’ 53, 24 u 21 sena, raġel mill-Bosnja ta’ 69 sena u Malti minn San Pawl il-Baħar ta’ 43 sena.

Il-Bord li se jmexxi din l-Inkjesta Pubblika b’rabta mat-traġedja ta’ Sofia diġa’ għandu quddiemu talba sabiex jistħarreġ allegazzjoni serja dwar flus li ingħataw il-ħaddiema barranin ħalli jagħlqu ħalqhom u ma jgħidu xejn dwar dak li seħħ f’Kordin f’Diċembru li għadda. L-allegazzjonijiet jindikaw li l-ħames feruti tħallsu somma flus biex ma jitkellmux. U l-barranin intbagħtu lura pajjiżhom biex żgur ma jiftħux ħalqhom. Dan minkejja li wieħed allegatament tilef il-vista minn għajn wahda u li ieħor tilef sieq waħda.