Internazzjonali

Spanja: Diżappunt għas-Soċjalisti tal-Prim Ministru Sanchez, bil-Partit tal-Poplu qed jidher bħala r-rebbieħ

Il-Partit tal-Poplu (PP) konservattiv qed jidher viċin ta’ rebħa elettorali ċara għalkemm għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid jekk għandux jikseb maġġoranza ċara — anki jekk il-PP jilħaq ftehim biex jiggverna flimkien mal-partit Vox li hu entità estremista tal-lemin.

L-ewwel indikazzjonijiet huma li l-PP għandu jirbaħ bejn il-145 u l-150 siġġu u l-ftehim potenzjali mal-Vox kapaċi, ‘il quddiem, jaċċertah minn maġġoranza ta’ siġġu jew żewġ siġġijiet. Intant, stħarriġ partikulari qed jindika vantaġġ jerġa’ akbar għall-Konservattivi b’150 siġġu kontra 112 għas-Soċjalisti fil-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Pedro Sanchez.

U jekk il-Vox jikseb 31 siġġu – dejjem skont il-pronostiku wara l-għeluq tal-votazzjoni – il-koalizzjoni potenzjali mal-PP għandha tkun waħda komda u konvinċenti wara erba’ snin ta’ tmexxija mix-xellug.

Kwalunkwe mill-partiti Spanjoli jeħtieġ jikseb maġġoranza assoluta ta’ 176 siġġu fil-Kungress ta’ Madrid magħmul minn 350 deputat biex jiggverna waħdu. Intant, l-akbar partit li ma jiksibx il-maġġoranza jista’ jieħu l-poter xorta bħala l-entità ewlenija f’koalizzjoni ma’ partiti oħrajn. Intant, l-Ispanjoli anki vvutaw biex jagħżlu 208 minn fost il-265 senaturi fil-Kamra ta’ Fuq tal-Assemblea.

Filwaqt li l-ewwel ċifri ta’ wara l-elezzjoni mhumiex riżultati konklussivi, ftit hemm dubju li l-PP se jkun l-akbar partit Spanjol, bl-elezzjoni tirriserva diżappunt kbir għall-Prim Ministru Soċjalista Sanchez li sejjaħ din l-elezzjoni b’reazzjoni għad-disfatta kbira li l-partit tiegħu kien sofra fl-elezzjonijiet lokali ta’ Mejju.

Intant u filwaqt li miljuni ħarġu jivvutaw fid-diversi bliet u reġjuni ta’ Spanja, it-‘turnout’ qed jidher anqas mill-ammonti li kvvutaw fl-elezzjoni ġenerali tal-2019; bis-sħana tremenda tissemma bħala fattur ewlieni għal din ix-xejra.

Din l-elezzjoni, sadanittant, kompliet turi l-polarizzazzjoni kbira qalb l-Ispanjoli u ftit hemm possibbiltà li l-poplu kollu għandu jingħaqad wara l-Gvern – jew koalizzjoni – li għandhom jieħdu r-riedni tal-pajjiż matul il-jiem li ġejjin.