Lokali

Il-ħames persuni akkużati bit-traġedja ta’ Jean Paul Sofia jingħataw il-ħelsien mill-arrest

Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, f’awla 22 tal-Qorti Kriminali, tressqu l-ħames persuni akkużati fost oħrajn li b’mod involontarju kkawżaw il-mewt taż-żagħżugħ ta’ 20 sena Jean Paul Sofia.

Huma qed jiġu akkużati wkoll fost oħrajn li kkawżaw ġrieħi gravi fuq persuni oħrajn ukoll – liema akkużi qed jiċħdu b’mod kategoriku hekk kif qed iwieġbu mhux ħatja. L-akkużati ngħataw il-bail.

Filwaqt li d-difiża appellat sabiex ilkoll jingħataw il-libertà proviżorja – il-prosekuzzjoni opponiet minħabba, fost oħrajn, il-biża’ ta’ għagħa li jaf jinħoloq min-naħa tal-poplu.

Dan hekk kif il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia temmet l-inkjesta maġisterjali tagħha b’rabta mat-traġedja li seħħet fit-3 ta’ Diċembru  2022 li għadda f’Kordin, fejn taħt erba’ sulari konkos tilef ħajtu Jean Paul Sofia wara li kkollassat il-binja li kienet qed tinbena u li dak il-ħin kien fiha.


Il-Maġistrat toħroġ mill-Awla. Grazzi talli segwejtuna.


Il-Maġistrat saħqet li wara li qieset in-natura fil-każ, il-Qorti laqgħet il-ħelsien mill-arrest tal-imputati fuq numru ta’ kundizzjonijiet;

Ilkoll se jkollhom meħuda l-passaport u l-karta tal-identità hekk kif se jkunu qed jiġu depożitati fl-atti minnufih.

Dan filwaqt li l-Qorti qed tisħaq li ħadd minnhom ma jista’ jagħmel kuntatt max-xhieda u għandhom jiffirmaw l-Għassa darbtejn fil-ġimgħa.

Ingħad ukoll li lkoll iħallsu €15,000 depożitu u garanzija personali ta’ €25,000 – dan minbarra Dijana Jovicevic li għandha depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000.

Il-Qorti spjegat li dan minħabba l-fatt li Jovicevic tinsab akkużata mhux b’mod personali imma mil-lat ta’ direttriċi f’kumpanija.


Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras tirritorna lura fl-awla.


L-AKKUŻI

B’kollox hemm 26 akkuża li f’waqtiet l-imputati huma akkużati separatament.

Il-ħames imputati jinsabu akkużati li fit-3 ta’ Diċembru 2022 b’nuqqas ta’ ħsieb, bi traskuraġni jew b’nuqqas ta’ ħila fil-professjoni tagħhom ikkaġunaw il-mewt ta’ Jean Paul Sofia u kkaġġunaw ġrieħi fil-konfront ta’ 5 persuni oħrajn – b’din l-akkuża ġġorr magħha piena massima ta’ 10 snin priġunerija.

Il-Perit Adriana Zammit tinsab akkużata fost oħrajn li fl-istess jum u fix-xhur ta’ qabel naqset milli teżegwixxi xogħlijiet fuq dan il-bini f’konformità mal-aħjar prattiki tal-industrija u li tistabilixxi rispett ta’ standards fi protezzjoni tal-ambjent, l-utenti tagħha u l-pubbliku inġenerali.

Matthew Schembri jinsab akkużat fost oħrajn li bejn April u Mejju tal-2020 wettaq falsifikazzjoni ta’ firem rigward is-sit fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin u xjentament għamel użu minn att, kitba jew skrittura falza.

Dan filwaqt li jinsab akkużat li għamel falsifikazzjoni oħra u/jew xjentament għamel użu minn xi dokument ieħor falsifikat ċioè l-Avviż tal-Bidu tal-permess tal-bini fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin.

Matthew Schembri, Kurt Buhagiar, Milomar Jovicevic u Dijana Jovicevic huma jinsabu akkużati fost oħrajn li naqsu milli jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati tagħhom kif ukoll il-persuni kollha li jistgħu jiġu affettwati bix-xogħol.



Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras tissospendi għal ftit minuti.


Il-prosekuzzjoni insistiet li l-public outcry lil’hinn mill-protesti iżda huma inkwetati minħabba l-iskomfort li jista’ jinħoloq fis-soċjetà.

Dan filwaqt li ngħad li qabel ma kienux qed jibżgħu li se jaħarbu iżda issa jafu x’inhu ġej għal wiċċhom u għaldaqstant issa jaf jibżgħu u jaħarbu.

Tkellem ukoll dwar il-fatt li ngħad li hemm similitudnijiet mal-każ ta’ Miriam Pace, madanakollu spjega li għad-differenza ta’ dak il-każ hawn għandek diversi persuni oħra li ġarbu ġrieħi gravi b’mod involontarju.

B’aċċenn għat-tqala li għaddejja minnha Dijana Jovicevic huwa insista li l-Awtoritajiet għandhom prassijiet li jsegwu f’dawn il-każi.


L-Avukat Stephen Tonna Lowell insista li Adriana Zammit tinsab akkużata b’żewġ akkużi involontarji u mhux qed jara lok li l-klijenta tiegħu ma tingħatax libertà proviżorja hekk kif s’issa dejjem ikkoperat mal-pulizija.

Huwa wkoll insista li l-għagħa tal-pubbliku kienet biss għall-fatt jekk kelliex issir inkjesta pubblika jew le u ċertament m’għandhiex x’taqsam ma’ jekk il-klijenta tiegħu tingħatax il-bail jew le.

“Frankament ma teżisti ebda raġuni legali f’każ ta’ natura involontarja u teknika li ma tingħatax il-libertà proviżorja”.


L-istess argumenta l-Avukat Timothy Bartolo li qed jirrappreżenta ż-żewġ barranin, li appella biex il-klijenti tiegħu jingħataw il-ħelsien mill-arrest kemm minħabba l-fatt li l-mara tinsab fi stat avvanzat ta’ tqala kemm minħabba wkoll il-fatt li għandhom tifla ċkejkna ta’ sentejn.


L-Avukat Arthur Azzopardi sostna li fil-każ tal-akkużati fil-konfront tal-qtil involontarju ta’ Miriam Pace, lura fl-2020, il-Qorti Kriminali kienet tat il-ħelsien mill-arrest. Huwa insista li dan kien każ simili ħafna ta’ dan u xorta waħda l-imputati kienu ngħataw il-bail minkejja l-għagħa tal-poplu.

Huwa saħaq li minkejja dak kollu li qed jiġri, u b’rispett sħiħ tal-opinjoni ta’ kulħadd, l-imputati għandha tintlaqalhom it-talba ta’ ħelsien mill-arrest.


Wara din ix-xhieda, l-Avukat Franco Debono insista li skont l-Ispettur fil-każ, il-Qorti għandha tiddeċiedi skont l-għagħa li jqajjem il-poplu għax qed jibżgħu li se jerġgħu jinżlu n-nies fit-toroq.

Huwa insista li kemm ir-rappreżentanti legali kif ukoll il-klijenti tagħhom jiddispjaċihom ta’ li seħħ imma insista li ma jistax ikun li l-Qorti tiddeċiedi skont l-għagħa.

L-Avukat Debono insista li kulħadd għandu dritt jipprotesta iżda ċertament il-Qorti m’għandhiex tiddeċiedi skont jekk il-prosekuzzjoni tibżax mir-rabja tal-poplu jew le.

Huwa insista li l-klijenti tiegħu qatt ma pprovaw jaħarbu, jew jikkuntattjaw lix-xhieda jew saħansitra jagħmlu l-ħajja diffiċli għall-pulizija matul dawn is-seba’ xhur u nofs.


Ir-rappreżentanti tad-difiża qiegħdin jappellaw għal-libertà proviżorja filwaqt li l-prosekuzzjoni qed topponi dan minħabba li r-rabja tal-poplu, public outcry, wara li eluf ħonqu Pjazza Kastilja fil-jiem li għaddew.

Ġie kkonfermat ukoll li uħud mill-ħaddiema l-oħrajn li weġġgħu f’din it-traġedja xehdu uoħrajn ma xehdux minħabba l-biża’ li jkunu akkużati kriminalment. Madanakollu l-Ispettur Paul Camilleri insista li issa dawn huma obbligati lkoll li jixhdu.

L-Ispettur kompla jgħid li fost dawn il-ħaddiema għad hemm min għadu Malta iżda hemm min li diġà telaq minn pajjiżna.

Huwa saħaq ukoll li hemm biża’ sinċiera mill-pulizija li l-akkużati jkunu jistgħu jaħarbu minn Malta.


Il-prosekuzzjoni spjegat li Miromar Jovicevic għandu sentenza oħra fil-konfront tiegħu, liema sentenza huwa qiegħed jappella.


Il-ħames akkużati lkoll qed jiċħdu l-akkużi miġjuba kontrihom.



Ġie spjegat li l-akkużata Dijana Jovicevic tinsab fid-disa’ xahar tqala tagħha. L-Ispettur saħaq li illum l-ewwel darba li tkellem magħha għax kienet rikoverata l-Isptar.


L-Ispettur Paul Camilleri spjega li l-arresti waslu minħabba li l-akkuża prinċipali twassal għal massimu ta’ 10 snin ħabs, iżda wkoll minħabba l-għagħa li setgħet tinqala’ fost il-poplu Malti u Għawdxi – “minħabba public outcry

Mistoqsija mid-difiża ta’ Kurt Buhagiar u Matthew Schembri, il-prosekuzzjoni fix-xhieda tagħha insistiet li l-ħames akkużati dejjem ikkollaboraw meta ġew mgħajta biex jixhdu fl-inkjesta u fl-ebda mument ma kien hemm indikazzjoni li riedu jaħarbu mill-pajjiż – hawnhekk ġie spjegat li l-akkużati ta’ nazzjonalità barranija huma residenti Malta.


L-Avukat Franco Debono staqsa lill-prosekuzzjoni jekk Matthew Schembri u Kurt Buhagiar xehdux – bl-Ispettur Antonello Magri jisħaq li dawn taw ix-xhieda tagħhom – iżda kien hemm waqtiet li għażlu li ma jirrispondux.

Mistoqsija mill-Avukat Debono, il-prosekuzzjoni saħqet li sal-Ġimgħa filgħaxija l-Ispettur Paul Camilleri ma kellux f’idejh l-inkjesta maġisterjali sħiħa hekk kif l-Avukat Ġenerali qaltlu li tista’ taħdem bil-proċess verbal u qalulu li dak iż-żmien ma setgħux ituhielu.

Dan filwaqt li saħqu li meta ħarġu l-akkużi fuq l-akkużati, il-prosekuzzjoni ma kelliex f’idejha l-inkjesta maġisterjali.

Il-prosekuzzjoni saħqet li kull dokument li kellha f’idejha l-pulizija f’dak il-mument kien mgħoddi lid-difiża.


Jibda jixhed l-Ispettur Paul Camilleri li qed jirrappreżenta l-Prosekuzzjoni fejn spjega li l-pulizija ġiet infurmata mill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg li kienet ingħalqet l-inkjesta maġisterjali tal-Maġistrat Marse-Ann Farrugia. Hu qal li mar fl-uffiċċju tal-AĠ u kompla li fir-rapport tal-inkjesta kien hemm diversi akkużi fil-konfront tal-ħames akkużati.

Sat-20:30 tal-Ġimgħa filgħaxija l-akkużati kienu kollha arrestati – bi tnejn minnhom imorru l-Għassa tal-Pulizija b’mod volontarju.


Fil-Qorti hawn ukoll il-preżenza ta’ żewġ interpreti biex ikun jista’ jassisti lill-kuntratturi barranin, ċioè lil Miromar u Dijana Jovicevic li huma Serb u Bożnijaka rispettivament. Interpretu minnhom se jkun qed jaqleb mil-lingwa Maltija għal dik Ingliża…filwaqt li interpretu oħra se taqleb mill-lingwa Ingliża għal dik Serba minħabba l-fatt li ż-żewġ akkużati ma jafux jitkellmu bl-Ingliż.


L-akkużati, Kurt Buhagiar, Matthew Schembri, Adriana Zammit, Miromar Jovicevic u Dijana Jovicevic – jidħlu fl-awla b’din tal-aħħar tidher li qiegħda tistenna tarbija.

Tidħol ukoll il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.


Preżentament hawn sensazzjoni ta’ stennija hekk kif filwaqt li jidher li l-akkużati, li se jkunu qed jitressqu f’daqqa għadhom mhux preżenti lkoll fil-Qorti – l-avukati difensuri taħghom deħlin u ħerġin mill-awla…bl-istennija hija tant li l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras issa reġgħet daħlet ‘il ġewwa.


Fl-awla 22 tal-Qorti Kriminali n-nies bdew jinġemgħu fosthom il-ġenituri taż-żagħżugħ ta’ 20 sena li tilef ħajtu fit-3 ta’ Diċembru, 2022 – irrappreżentanti mill-avukati Joe Giglio, Therese Comodini Cachia u David Bonello.

Dan filwaqt li daħlu wkoll l-avukati li qed jirrappreżentaw lill-akkużati – l-iżviluppaturi Matthew Schembri u Kurt Buhagiar qed jiġu rrappreżentati mill-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Franco Debono. L-Avukat Stephen Tonna Lowell qiegħed jirrappreżenta lill-Perit Adriana Zammit filwaqt li l-kuntratturi Milomir Jocivevic u Dijana Jovicevic qed jiġu rrappreżentati mill-Avukat Timothy Bartolo.

Preżenti wkoll il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras flimkien mal-prosekuzzjoni li qed titmexxa mill-Ispetturi Antonello Magri u Paul Camilleri.

Preżenti hawn ukoll diversi membri tal-media sabiex isegwu s-smiegħ tal-Ħadd waranofsinhar – f’dak li qed jiġi meqjus bħala pass ieħor f’din il-ġrajja li ċertament ixxokkjat poplu sħiħ.

Għall-ħabta tas-6 pm tal-Ħadd, quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras f’awla 22 tal-Qorti Kriminali, mistennija jitressqu l-ħmaes persuni akkużati fost oħrajn li b’mod involontarju kkawżaw il-mewt taż-żagħżugħ ta’ 20 sena Jean Paul Sofia.

Huma qed jiġu akkużati wkoll fost oħrajn li kkawżaw ġrieħi gravi fuq persuni oħrajn ukoll.

Dan hekk kif il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia temmet l-Inkjesta Maġisterjali tagħha b’rabta mat-traġedja li seħħet fit-3 ta’ Diċembru  li għadda f’Kordin, fejn taħt erba’ sulari konkos tilef ħajtu Jean Paul Sofia wara li kkollassat il-binja li kienet qed tinbena u li dak il-ħin kien fiha.

Sussegwentament wara dan kollu skattat l-operazzjoni tal-Pulizija fejn il-Ħadd waranofsinhar tressqu l-Qorti b’arrest – dawn huma il-Perit Adriana Zammit ta’ 36 sena minn Ħaż-Żabbar, l-iżviluppaturi Kurt Buhagiar u Matthew Schembri flimkien ukoll ma żewġ kuntratturi is-Serb  Milomir Jovicevic u Dijana Jovicevic – li hija ko-direttriċi mal-kumpanija ta’ Milomir, Milmar Construction Ltd.

Għall-iżviluppaturi qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono filwaqt li bħala Parte Civile qed jidhru l-avukati Joe Giglio, David Bonello u Therese Comodini Cachia.

INKJESTA PUBBLIKA

Fit-traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ Sofia kien hemm involuti ħames persuni oħra. Dawn kienu tliet Albanizi ta’ 53, 24 u 21 sena, raġel mill-Bosnja ta’ 69 sena u Malti minn San Pawl il-Baħar ta’ 43 sena.

Il-Bord li se jkun qiegħed imexxi l-Inkjesta Pubblika b’rabta mat-traġedja ta’ Sofia diġa’ għandu quddiemu talba sabiex jistħarreġ allegazzjoni serja dwar flus li ingħataw il-ħaddiema barranin ħalli jagħlqu ħalqhom u ma jgħidu xejn dwar dak li seħħ f’Kordin f’Diċembru li għadda.

L-allegazzjonijiet jindikaw li l-ħames feruti tħallsu somma flus biex ma jitkellmux. U l-barranin intbagħtu lura pajjiżhom biex żgur ma jiftħux ħalqhom. Dan minkejja li wieħed allegatament tilef il-vista minn għajn wahda u li ieħor tilef sieq waħda.

AKTAR KMIENI

Kollox jindika li d-disinn strutturali kien “ir-raġuni prinċipali” li wasslet biex ikkollassat il-binja f’Kordin; traġedja li ħasdet il-ħajja taż-żagħżuħ Jean Paul Sofia f’Diċembru li għadda.

Sorsi qed jindikaw illi l-inkjesta tal-Maġistrat Marse-Ann Farrugia turi biċ-ċar li hemm nuqqas fil-mod kif sar id-disinn minn naħa tal-perit. Dan apparti li hemm ukoll l-evidenza li toħroġ mill-filmat stess li kien iċċirkola fuq l-internet dakinhar li seħħet it-traġedja.