Lokali

“Ma jistax ikun li l-poplu jibqa’ jsofri minn nuqqas ta’ ippjanar tal-Gvern ta’ Abela” – Bernard Grech

Il-Kap tal-PN jappella sabiex il-poplu jibqa’ f’għaqda nazzjonali

“Illum qed insofru n-nuqqas ta’ ippjanar u l-isparparjar tal-flus tal-poplu li ma ntefqux għall-poplu.”

Waqt intervista li saritlu fuq NetFM, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech wiegħed li se tkompli l-ħidma tiegħu biex jassigura li l-poplu Malti u Għawdxi ma jibqax ibati n-nuqqas ta’ ippjanar mill-Gvern ta’ Robert Abela.

Bernard Grech qal li dawk membri fi ħdan il-Gvern Laburista mhumiex verament iħossu minn dak li l-poplu Malti u Għawdxi għaddejjin minnu.

“Robert Abela u sħabu mhux qed jirrealizzaw il-poplu Malti minn xiex inhu għaddej,” qal Bernard Grech. “Gvern li mhux qed iħoss dak li għaddejjin minnu n-nies.”

Dan filwaqt li fakkar kif il-qtugħ ta’ dawl ġie esperjenzat ukoll fl-isptarijiet ta’ pajjiżna.

“Wara li taw il-miljuni, lanqas biss investew f’generator,” qal Bernard Grech. “Qed tara kif bil-korruzzjoni int tispiċċa tħallas?”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-ħidma u s-sapport ta’ xhur sħaħ mill-Partit Nazzjonalista fid-dawl tal-Inkjesta Pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia… b’Robert Abela minflok għażel li jqatta’ dawn l-istess xhur iwebbes rasu sakemm kellu jċedi u jagħmel u-turn.

“Isabelle Bonnici u John Sofia huma żewġ persuni li ma jaċċettawx dak kollu li jiġi quddiemhom,” qal Bernard Grech. “Għandna bżonn iktar nies bħalhom. Hekk biss nistgħu nimxu ‘l quddiem.”

Huwa qal li rajna għaqda nazzjonali li qatt qabel ma rajna bħalha, għaqda nazzjonali li se jassigura li ma tiġix imkissra minn Robert Abela u ta’ madwaru.

“Hawn għaqda nazzjonali li ma jridux li Robert Abela jibqa’ miexi b’dan il-mod,” qal Bernard Grech. “Lil Robert Abela ħaġa waħda ngħidlu – mhux se nħalluk tkisser din l-għaqda li qed tingħaqqad kontrik biex issalva lill-pajjiż.”

Bernard Grech fakkar ukoll dwar l-għafsa tal-għoli tal-ħajja li qed tkompli tippersisti, bi Gvern ta’ Robert Abela li qed ikompli jitfagħha taħt it-tapit.

“Kull persuna qed tħoss l-għafsa tal-għoli tal-ħajja,” qal Bernard Grech. “Robert Abela hawnhekk falla wkoll.”

U wara li fakkar kif Robert Abela falla lill-poplu Malti u Għawdxi f’kull settur, b’mod speċjali dawk is-setturi l-iktar importanti, Bernard Grech wiegħed li l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista mhix se tieqaf hawn.

“Aħna rridu nsaħħu s-setturi kollha u mhux niffukaw biss fuq l-importazzjoni taċ-cheap labour,” qal Bernard Grech. “Mhux se nibqgħu nġibu mal-40,000 persuna lejn pajjiżna ta’ kull sena. Il-Partit Nazzjonalista jaf mod ieħor kif ikabbar l-ekonomija u determinati li nagħmlu dan.”