Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu għal stħarriġ li sar mill-gazzetta MaltaToday qalu illi jafdaw u jippreferu jaraw lill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern minflok pajjiżna jibqa’ mmexxi mill-Gvern ta’ Robert Abela.
Fil-fatt, minn minn dawk li wieġbu 30.2% ppreferew lill-Partit Nazzjonalista u 29.6% qalu li jippreferu lill-Partit Laburista – riżultat li l-Partit Nazzjonalista ilu ma jikseb madwar 15-il sena, bil-Partit Laburista jinżel fl-agħar xenarju li qatt kien fih sa minn mindu ilhom isiru surveys minn din l-istess gazzetta.
Dan l-istħarriġ janalizza kemm il-perijodu li fih faqqgħet il-kriżi nazzjonali tal-qtugħ ta’ dawl u anke l-każ tal-Inkjesta Pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia. Dan hekk kif is-survey inħadem bejn l-10 u l-20 ta’ Lulju.
F’dan l-istħarriġ ħareġ ukoll kif 22.6% ta’ dawk li wieġbu qalu li ma jridux jivvutaw fl-elezzjoni li ġejja filwaqt li 2.4% se jkunu qed jivvutaw lil partiti oħra li mhumiex il-PL jew il-PN.
Dan l-istħarriġ juri xejra konsistenti għall-PN, illi ilu sa minn Frar iżid l-appoġġ popolari. Huwa wkoll survey li f’diversi aspetti jaqbel ma’ dak ippubblikat illum stess fis-Sunday Times of Malta hekk kif din il-gazzetta tindika biċ-ċar li l-Labour kompla jnaqqas. Fil-fatt, fil-faċċata tagħha, din il-gazzetta tuża l-frażi “Abela in freefall”.
Filwaqt li s-Sunday Times tgħid illi dan huwa l-agħar riżultat li kiseb il-Labour fl-aħħar snin, in-numri xorta juru li għadu b’vantaġġ ta’ 18,000 vot. Bil-partit ta’ Robert Abela jnaqqas 5% mis-sena l-oħra ‘l hawn. Dan filwaqt li l-PN żied bi 2% fuq sena.