Lokali

“Bżonn ta’ azzjoni immedjata inkella Malta se titlef ir-reputazzjoni tagħha bħala destinazzjoni turistika” – MHRA

Il-Gvern għandu jieħu azzjoni immedjata u jindirizza numru ta’ diffikultajiet li bħalissa qed jaffettwaw l-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna… diffikultajiet li se jispiċċaw jagħmlu ħsara lill-identità u r-reputazzjoni ta’ pajjżna bħala pajjiż b’destinazzjoni awtentika fil-Mediterran.

Dikjarazzjoni iebsa li waslet min-naħa tal-MHRA hekk kif fi stqarrija l-Assoċjazzjoni semmiet fost l-oħrajn kif il-problema ta’ nuqqas ta’ ndafa f’pajjiżna qed twassal biex Malta titlef mir-reputazzjoni tagħha. Il-fatt li l-poplazzjoni ta’ pajjiżna kulma jmur qiegħda dejjem tiżdied, is-servizz ta’ ndafa ta’ pajjiżna għandu jittieħed iktar bis-serjetà u jissaħħaħ.

L-istqarrija tgħid li apparti dan, għandu jkun hemm iktar infurzar fl-infrastruttura ta’ pajjiżna fejn il-kostruzzjoni qed nispiċċaw inħabbtu wiċċha magħha kullimkien…. f’kull parti ta’ pajjiżna. L-MHRA qalet li Malta spiċċat fi stat fejn kull lokalità qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni fiha… xogħol li qed jikkawża storbju, u ħmieġ, kif ukoll problema kbira ta’ traffiku. Dan kollu qed iwassal biex turisti ma jerġgħux jiġu lejn pajjiżna.

Ma naqasx ukoll li l-MHRA titkellem dwar il-problema tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku fejn saħqet li membri tal-istess Assoċjazzjoni sofrew mhux biss telf ta’ flus iżda wkoll tilfu amont kbir ta’ ikel, ħsarat fl-appart kif ukoll ħsarat fuq ir-reputazzjoni tagħhom. Filfatt bosta turisti spiċċaw jirrikorru għall-media soċjali jilmentaw dwar il-qtugħ tad-dawl fil-kmamar tagħhom li wassal biex il-vaganza tagħhom tispiċċa fuq nota ħażina.

L-MHRA qalet li dan kollu qed iħalli impatt negattiv fuq il-futur tal-lukandi u ristoranti. Hija appellat lill-Gvern biex jieħu azzjoni minnufih sabiex sitwazzjoni simili ma terġax tiġi ripetuta. Dan għaliex il-ħsara li saret lil din l-industrija kienet waħda enormi.