Sport Sport Ieħor

Darts: Ħamrun Bayern u Team Fgura A jibqgħu fl-ewwel post

Ħamrun Bayern u Team A Fgura baqgħu bis-serje pożittiva ta’ dawn l-aħħar ġimgħat u rebħu l-partiti tagħhom biex baqgħu fl-ewwel post fil-grupp rispettiv tagħhom.

Fil-kampjonat tas-sajf organizzat mill-Malta Darts Association kull tim lagħab darbtejn meta fadal ġimgħatejn qabel tispiċċa l-ewwel fażi.

Ħamrun Bayern iddominaw u kisbu rebħiet identiċi ta’ 5-1 kontra Leah’s Bar u PO’s Bar rispettivament.

L-eqreb rivali tagħhom Birgu Boċċi Club baqgħu jżommu t-tieni post ta’ grupp A wara rebħiet ta’ 6-0 u 5-1 kontra Fgura Maypole u Leah’s Bar rispettivament.

Floriana Ajax MCP qed jissieltu għat-tieni post li jista’ jwassal għal kwalifikazzjoni għat-tieni round wara rebħiet konsekuttivi ta’ 4-2 kontra PO’s Bar u Fgura Maypole .

Fi grupp B, Team Fgura huma certi minn kwalifikazzjoni għat-tieni fażi wara rebħa kbira ta’ 6-0 kontra Top Gun b’dawn tal-aħħar li ħadu punt fid-draw ta’ 3-3 kontra Top Gun Bar.

Floriana Premier CC jinsabu fit-tieni post hekk kif għelbu lil Domus 4-2 fil-konfront dirett.