Lokali

L-Enemalta stess tgiddeb dak li qal il-Prim Ministru – għad hemm diversi lokalitajiet bla dawl

Fi stqarrija l-kumpanija Enemalta kkonfermat li minn 64 ħsara li żviluppaw f’cables ta’ vultaġġ għoli għad hemm 19 li għadhom ma ssewwewx; bit-tiswijiet issoktawit-Tnejn filgħodu.

Din l-istqarrija tgiddeb lill-Prim Ministru illi lbieraħ, fuq ir-radju Laburista, stqarr li s-sitwazzjoni tad-dawl issa ġiet lura għan-normal. Iżda minkejja li Abela qal li din il-problema ġiet “ripristinata”, il-verità hi li għad hawn eluf ta’ familji affetwati – fosthom f’Tas-Sliema u z-zona tar-Rabat.

Sal-Ħadd filgħaxija, it-timijiet tekniċi tal-Enemalta assistew familji f’zoni fejn żviluppaw ħames ħsarat oħra fin-network ta’ vultaġġ għoli f’żoni differenti madwar Malta. Fil-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet, il-provvista tal-elettriku setgħet tingħata lura minn rotot alternattivi, bil-maġġoranza taz-zoni affettwati jieħdu l-provvista lura f’temp ta’ inqas minn tliet sigħat. Iżda f’zoni oħra bħal Ħad-Dingli, il-provvista ma setgħetx tingħata lura qabel ma tlestew it-tiswijiet neċessarji.

F’partijiet miż-Żejtun, fejn kien possibbli, il-provvista ngħatat lura minn standby power generating system. Il-provvista tal-elettriku lil parti lokalizzata minn din l-istess lokalità ser tingħata lura hekk kif jitlestew it-tiswijiet neċessarji.