Is-sħana rekord li qed tiddomina fl-Ewropa żgur li mhix tgħin biex ittaffi l-emerġenza tan-nirien madwar il-Greċja.
U minbarra l-kriżi tal-aħħar jiem f’Rodi, l-awtoritajiet fil-gżejjer Griegi ta’ Korfu u Evia ukoll ħarġu direttivi għall-evakwazzjoni tar-residenti, meta l-pajjiż qed jikkumbatti sensiela ta’ nirien diżastrużi qalb il-foresti, u li komplew javvanzaw lejn iz-zoni residenzjali.
Għalkemm ma weġġa’ ħadd fin-nirien, is-sitwazzjoni f’Rodi u diversi bnadi oħra tal-Greċja baqgħet tassew allarmanti.
Dan meta aktar minn 20,000 residenti f’Rodi kienu kostretti li jabbandunaw djarhom. Dawn in-nies, flimkien mat-turisti li kellhom jitilqu mil-lukandi fi tmiem il-ġimgħa, spiċċaw reqdin fl-ajruport, kif ukoll fil-kumplessi sportivi, ċentri għall-konferenzi u anki barra fit-triq.
Ironikament….il-Ministru Grieg għat-Turiżmu sostniet li l-parti kbira tal-gżira ta’ Rodi ma kenitx affettwata min-nirien. U baqgħet tħeġġeġ biex it-turisti li pjanaw il-btajjel f’dik il-gżira ma jħassrux il-pjanijiet tagħhom,
Madankollu, il-Gvern Ingliż fl-aħħar sigħat kien taħt pressjoni sabiex iżid il-gżira ta’ Rodi ma’ l-hekk-imsejħa ‘Lista Ħamra’ …ħalli jwissi lill-Britanniċi biex ma jsiefrux lejn il-Greċja, ħlief għal każi ta’ emerġenza u sakemm is-sitwazzjoni tirritorna għan-normal.
Fil-fatt, ħafna mit-turisti li spiċċaw f’sitwazzjoni ta’ limbu f’Rodi huma Britanniċi ……u fl-aħħar sigħat, il-linja tal-ajru EasyJet kellha tibda tħaddem titjiriet ta’ ripatrijazzjoni minn dik il-gżira lejn ir-Renju Unit – l-istess bħal-linja Britannika Jet2.
Sadanittant, l-uffiċjali f’Korfu, qalu li n-nirien f’dik il-gżira x’aktarx li tqabbdu apposta minn persuna jew persuni mhumiex magħrufa – u kuntrarju għas-sitwazzjoni f’Rodi, jidher li in-nirien qed jinżammu ftit jew wisq taħt kontroll.
//= $special ?>

