Lokali

Il-Kamra tal-Periti titlob sabiex jiġi diskuss titjib fil-liġi

Il-Kamra tal-Periti qed tilqa l-fatt li wara 16-il sena l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni bdiet tirċievi applikazzjonijiet għall-liċenzjar tal-kuntratturi; pass importanti immens għall-immodernizzar u t-tiġdid tal-industrija tal-kostruzzjoni.

Iżda fi stqarrija… il-Periti qalu li s-suċċess ta’ din is-sistema tiddependi minn kemm l-Awtorita hija lesta li tiddixxiplina l-kuntratturi, u tieħu l-passi li hemm bżonn sabiex tintwera professjonalita fuq is-siti ta’ kostruzzjoni.

Jekk dan ma jsirx, ir-regolamenti jkunu għalxejn.

Il-Kamra tal-Periti innotat li hemm lok għal titjib fir-regolamenti li ġew ippublikati l-ġimgħa l-oħra, u rikonoxxiet li l-kuntrattur liċenzjat għandu jassigura li x-xogħolijiet imwettqa minnu jkunu koperti b’assigurazzjoni.

Il-Kamra irrimarkat ukoll li kien ikun ħafna iktar prattiku u għaqli li jiġi assigurat li assigurazzjoni adegwata tkun obligatorja għall-ħruġ tal-liċenzja. Dan filwaqt illi intqal li l-preżentazzjoni tal-karta tal-liċenzja għandha tkun prova biżżejjed għall-klijenti, sabiex jintwera li hemm kopertura.

Il-Kamra tal-Periti sejħet laqgħa urġenti mal-Gvern u mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin sabiex tiġi indirizzata din il-lakuna, hekk kif l-Assoċjazzjoni tal-Assiguraturi ma tridx tipprovdi l-koperatura neċessarja, billi jiġu esplorati alternattivi għas-suq tal-assigurazzjoni.

Il-Kamra talbet ukoll skeda ta’ żmien li fih il-liċenzji għal kuntratturi oħra jiddaħħlu fil-futur mhux imbiegħed sabiex l-istandards jogħlew fl-industrija kollha kemm hi.