L-Arċisqof Charles Scicluna jinsab fil-Perù biex iwettaq missjoni fdata lilu mill-Papa Franġisku.
Skont rapporti fis-sit elettroniku Crux Now, din iż-żjara ta’ Monsinjur Scicluna hi marbuta ma’ allegazzjonijiet ta’ abbużi mill-membri tal-kleru fil-Peru… fejn allegatament hu mistenni jinvestiga l-grupp bl-isem Sodalitium Christianae Vitae, li l-fundatur tagħhom, Figari, ġie akkużat b’abbużi sesswali fuq minuri.
Dan il-grupp huwa allegatament involut ma’ grupp tal-kriminalita organizzatá fil-Perù. U jirriżulta li wieħed mill-mexxejja taghhom saħansitra attakka lil żewġ ġurnalisti li kienu qed jinvestigaw dawn l-allegat abbużi.
Matul iż-żjara tiegħu fil-Peru, l-Arċisqof Scicluna, li jservi wkoll bħala Segretarju tal-Vatikan għad-Duttrina tal-Fidi, se jmexxi għadd ta’ laqgħat privati. Hu mistenni jwettaq dawn l-investigazzjonijiet flimkien mal-Monsinjur Spanjol Jordi Bertomeu, li hu offiċjal fi ħdan l-istess Dikasteru tal-Vatikan.
Diversi sorsi qalu li din iż-żjara hi missjoni delikata immens, hekk kif Charles Scicluna u l-kollega tiegħu ser jiltaqgħu ma’ xi vittmi, kif ukoll mat-tmexxija tal-grupp.
Monsinjur Scicluna u Monsinjur Bertomeu ser jippreparaw rapport għall-Papa, li mbagħad jiddeċiedi l-passi li jeħtieġ jittieħdu.
Il-medja internazzjonali qed tirraporta wkoll li Scicluna ser jitlob lil Papa biex ixolji il-grupp kompletament.
Għalissa, Mons. Scicluna mhuwiex f’pożizzjoni li jikkummenta jew iwieġeb mistoqsijiet relatati ma’ din il-missjoni, iżda hu diġa wettaq investigazzjonijiet simili ma’ Bertomeu… fejn ħadmu flimkien fl-2018 fiċ-Chile u f’Marzu tal-2020 fil-Messiku meta investigaw każi ta’ natura simili.
L-Arċisqof Scicluna ser jagħmel madwar ġimgħa fil-Perù, u mistenni jirritorna Malta l-ġimgħa d-dieħla.
//= $special ?>