Internazzjonali Lokali

Il-qtugħ tad-dawl f’Malta jissemma anki f’ġurnal Taljan

Issa anki l-barranin qed jikkummentaw dwar il-qtugħ kontinwu fis-servizz tal-elettriku f’pajjiżna.

L-edizzjoni elettronika tal-ġurnal Taljan ‘Il Fatto Quotidiano’, f’rapport dwar is-sħana eċċessiva f’diversi pajjiżi Ewropej, jgħid li l-qtugħ tad-dawl qed jirrendi l-ħajja tal-Maltin waħda diffiċli. L-awtur jikkwota lill-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona jgħid li “din hi sitwazzjoni bla preċedent.”

L-artiklu jgħid ukoll li s-siti ta’ komunikazzjoni soċjali huma mimlija kummenti ta’ protesta miċ-ċittadini Maltin, fosthom sidien ta’ negozji, bars u restoranti li qed ikunu kostretti jarmu l-ikel waqt li diversi persuni qed isibu ruħhom jorqdu barra jew fuq xi opra tal-baħar.

Issir referenza wkoll għall-qtugħ tad-dawl li kien hemm tard il-ġimgħa li għaddiet fl-Isptar Monte Carmeli, “li baqa’ fid-dlam għal sigħat twal.”

L-awtur ikkwota lill-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta jgħid li 80 ħaddiem qed jaħdmu f’xifts biex ikopru 24 siegħa ta’ xogħol kuljum u li “s-sitwazzjoni qed titjieb.” Minkejja dan, ir-rapport ikompli jgħid li residenti f’diversi lokalitajiet fiz-zona tal-Kottonera, fosthom il-Birgu, il-Kalkara u Ħaż-Żabbar għamlu iktar minn 48 siegħa mingħajr is-servizz tal-elettriku.