Lokali

Il-‘U-turns’ ta’ Robert Abela

Artiklu miġbur minn Victor Camilleri

Robert Abela sar Prim Ministru ta’ Malta fit-13 ta’ Jannar 2020, jiġifieri tliet snin u nofs ilu. Żmien biżżejjed biex wieħed jifforma ġudizzju oġġettiv u infurmat dwaru u dwar il-personalità politika tiegħu.

Hu evidenti li wara dan il-perjodu għandna biżżejjed fatti f’idejna biex nagħmlu valutazzjoni politika bażata fuq dak li qal, dak li għamel, dak li naqas li jagħmel, u kif dan kollu affettwa lin-nazzjon u lill-poplu.

Għandna biżżejjed fatti li jispjegaw aħjar kif ‘imexxi’ lill-partit tiegħu u lin-nazzjon. B’maġġoranza kbira fuq in-naħa tiegħu, Robert Abela kien mistenni jamministra b’mod trankwill, u f’nuqqas ta’ skossi inutli… iżda dawn it-tliet snin u nofs kienu kollox barra dan.

Bl-aktar mod evidenti, Robert Abela l-politiku hu indeċiż u f’ħafna każi kien kostrett imur lura minn dak li kien iddikjara quddiem Malta kollha. Naturalment dan il-proċess ma jkunx frott ta’ maturazzjoni tal-ħsieb min-naħa tiegħu iżda pjuttost hu riżultat ta’ pożizzjonijiet nettament kuntrarji għal tiegħu mill-poplu Malti, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, l-NGOs, u l-midja indipendenti… dejjem skont il-każ partikulari li jkun.

F’din il-kitba qed infakkar f’numru limitat ta’ U-turns li Robert Abela kien kostrett iwettaq mindu nħatar Prim Ministru. Kien hemm ħafna aktar iżda dawn huma l-ewlenin u mingħajr l-ebda garanzija li l-lista ma tibqax titwal.

JANNAR 2020 – Robert Abela involut f’żewġ ħatriet lil Konrad Mizzi, li kellu jirtirahom
■ Meta Robert Abela daħal Kastilja bħala Prim Ministru, fost l-oħrajn sab li wara li Konrad Mizzi kien spiċċa minn ministru, l-Awtorità tat-Turiżmu kienet ħatritu konsulent b’kuntratt ta’ €80,000 fis-sena. Abela ma neħħihx sakemm The Times kixfet din il-manuvra u Abela kellu jwettaq l-ewwel u-turn tiegħu u jtemmlu l-kuntratt.


■ Dan ma kienx biżżejjed għaliex fl-ewwel ġimgħat tal-Prim Ministru Abela, Konrad Mizzi kien nominat fil-Parlament biex jinħatar il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-OSCE. Wara protesti qawwija tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, Abela mar lura u waqqaf il-ħatra.
OPPOŻITURI EWLENIN: Midja indipendenti; l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

MEJJU 2020 – U-turn doppju b’konnessjoni mal-multi marbutin ma’ ksur ta’ regolamenti tal-Covid
■ Fi żmien il-Covid, l-awtoritajiet tas-saħħa introduċew multi għal dawk li ma josservawx is-social distancing. U l-Pulizija kienu bdew jimxu ma’ dawn ir-regoli maħsubin biex jipproteġu lill-pubbliku. F’daqqa waħda, waqt konferenza politika, il-PM Robert Abela ħabbar li hu kien se jintroduċi mekkaniżmu li permezz tiegħu tingħata amnestija lil dawk li ntlaqtu minn dawn il-multi. Din il-mossa qanqlet rabja kbira fost il-poplu iżda l-aktar fost il-Pulizija għaliex b’hekk raw il-ħidma tagħhom imminata. Konfrontat b’din ir-reazzjoni, Abela reġġa’ lura l-amnestija u qal li kien inftiehem ħażin.
OPPOŻITURI EWLENIN: Il-poplu, l-unions tal-Pulizija ta’ Malta.

FRAR 2022 – Sfurzat idawwar id-deċiżjoni biex jagħmel ‘yacht marina’ f’Wied il-Għajn
■ Il-pjan tal-Gvern ta’ Robert Abela kien li fil-bajja ta’ Wied il-Għajn isir yacht marina u għal dan il-għan Transport Malta kienet diġà ħejjiet il-pjanti u ppubblikathom. Ir-residenti ta’ Marsascala, immexxijin mill-għaqda tagħhom, u mir-rappreżentanti tal-PN fil-Kunsill Lokali, wettqu oppożizzjoni qawwija u ripetutament laqqgħu lir-residenti f’dawk l-inħawi u nebbħuhom x’kellu f’moħħu l-Gvern li, permezz tal-Ministru Ian Borg, kien qed jagħti palata biex il-‘proġett’ isir. Iżda malli bdiet riesqa l-elezzjoni, u r-residenti semmgħu leħinhom aktar, Robert Abela kellu jirtira kollox… u ried il-prosit!
OPPOŻITURI EWLENIN: L-għaqda tar-residenti; ir-rappreżentanti tal-PN fil-Kunsill Lokali.

MARZU 2022 – Filli jgħid li r-Russi jibqgħu jsiru ċittadini Maltin u filli jwaqqafhom
■ L-iskema infami tal-bejgħ tal-passaporti daħħlet lill-Gvern Malti u, tabilħaqq lil pajjiżna, f’ħafna inkwiet u komplikazzjonijiet inutli. Diġà kien hemm oppożizzjoni qawwija fl-UE għall-iskema Maltija iżda din kienet intensifikata mal-bidu ta’ din il-gwerra għaliex ma kienx ġust li fl-UE – permezz tal-passaport Malti – jidħlu Russi li kienu fi gwerra kontra pajjiż li l-UE kienet qed tiddefendi bis-sħiħ. Kelliema tal-Gvern, ewlieni fosthom Robert Abela, sostnew li l-iskema Maltija kienet robusta iżda fi żmien 24 siegħa, Robert Abela dawwar kollox u ssospenda l-applikazzjonijiet ta’ nies mir-Russja u l-Belorussja.
OPPOŻITURI EWLENIN: Komunità internazzjonali, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

FRAR 2023 – Minn difiża għal Vitals u Steward…u wara l-kawża ‘Delia’ jgħid li keċċiehom
■ Adrian Delia (PN) fi Frar 2018 fetaħ kawża kontra l-Gvern u l-Vitals Global Healthcare (aktar tard kontra Steward Healthcare ukoll) biex l-isptarijiet San Luqa, Karin Grech, u dak ta’ Għawdex, jirritornaw għand il-poplu minħabba ksur sfaċċat tal-Kuntatti eżistenti. Il-Gvern Laburista, l-ewwel taħt Joseph Muscat, u mbagħad Robert Abela, iddefendew il-pożizzjoni tagħhom fil-Qorti għal ħames snin sħaħ u qatt ma ssieħbu b’xi mod ma’ dak li ried Delia.

Fi Frar 2023, il-Qorti qatgħet il-kawża favur Delia bl-ispejjeż b’kollox u wara li reġa’ ddefenda lil Steward, Robert Abela daqq l-irtirata u qal li kien keċċa lil Steward mill-isptarijiet.
OPPOŻITURI EWLENIN: Adrian Delia u l-PN; il-MAM; il-poplu Malti.

APRIL 2023 – Jgħid li Rosianne Cutajar diġà kienet pattiet iżda wara jġegħilha titlaq
■ F’April ta’ din is-sena tfaċċat kontroversja ġdida wara li kienu pubblikati chats bejn id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar u l-imprenditur Yorgen Fenech. Il-kwistjoni kibret b’mod li dwarha beda jikkummenta kulħadd, l-aktar fuq il-midja soċjali. Il-kontenut kien meqjus bħala politikament ta’ dannu għall-Gvern għaliex id-Deputata Laburista, fost l-oħrajn, qalet li kienet se tieħu job ieħor mal-Gvern la kulħadd kien qed jitħanżer. Meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti x’kien se jagħmel, Robert Abela qal li Cutajar kienet diġà ‘pattiet’ iżda fi ftit jiem ġegħilha titlaq mill-Grupp Laburista.
OPPOŻITURI EWLENIN: Il-midja indipendenti; l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

ĠUNJU 2023 – Iressaq liġi fil-Parlament dwar l-abort u mbagħad kellu jibdilha radikalment
■ Din kienet u-turn spettakolari li, saħansitra, kienet anki fl-aħbarijiet internazzjonali tant li Reuters xerridha mad-dinja kollha b’dan it-titlu: Malta government backs down on abortion bill after protests. Bl-iskuża ta’ każ li kien jinvolvi koppja barranija, il-Gvern kien ressaq emendi biex, skont hu, ikun jista’ jitwettaq abort f’każ li l-mara tkun qed tiffaċċja periklu għal saħħitha. Dan qanqal reazzjoni qawwija fost il-poplu li ddimostraw bl-eluf kontra l-introduzzjoni tal-abort. Wara li għal xhur sħaħ Robert Abela irreżista l-protesti, wara xhur kellu jċedi l-armi u ressaq liġi aċċettabbli għall-pro-life u bil-kundanna tal-pro-choice.
OPPOŻITURI EWLENIN: Life Network, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

LULJU 2023 – Seba’ xhur jirrifjuta Inkjesta Pubblika biex, b’dahru mal-ħajt, kellu jaħtarha
■ Mhux għaliex hi l-aktar riċenti iżda għaliex hi l-akbar u-turn s’issa li nikklassifikawha bħala l-aktar waħda importanti f’dawn it-tliet snin u nofs ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru. Wara seba’ xhur sħaħ jiddikjara li ma riedx li ssir Inkjesta Pubblika fil-każ ta’ Jean Paul Sofia (li miet mgħaffeġ taħt it-tifrik ta’ binja li kienet tiela’ f’Kordin) b’maġġoranza kbira tal-poplu kontrih, u bl-Oppożizzjoni Nazzjonalista tivvota kompatta fil-Parlament, Robert Abela kellu jibla’ kulma kien qal u għamel proprju dak li erbat ijiem qabel, hu u sħabu tal-Gvern, ivvutaw kontrih fil-Parlament.
OPPOŻITURI EWLENIN: Il-poplu; l-Oppożizzjoni Nazzjonalista; NGOs.