Futbol Sport

Imut Trevor Francis, eks attakkant tat-tim Nazzjonali Ingliż

L-eks-attakkant tat-tim Nazzjonali Ingliż Trevor Francis miet fl-età ta’ 69 sena wara li sofra attakk tal-qalb fi Spanja.

Fl-1979 Francis sar l-ewwel plejer Ingliż trasferit għal £1miljun meta minn ma’ Birmingham City ingħaqad ma’ Nottingham Forest. Ma’ Forest rebaħ żewġ Tazzi taċ-Champions, fl-1979, meta skorja l-gowl tar-rebħa kontra Malmo, u fl-1980. Francis lagħab ukoll 52 logħba mal-Ingilterra, fejn skorja 12-il gowl, qabel ma beda karriera bħala kowċ.

Imwieled fi Plymouth, Francis ingħaqad ma’ Birmingham u kien l-iżgħar debuttant magħhom fl-1970 fl-eta’ ta’ 16-il sena, rekord li ntlaħaq biss mill-midfielder attwali tal-Ingilterra Jude Bellingham f’Awwissu tal-2019. Francis skorja 119-il gowl f’280 dehra fil-kampjonat qabel ma’ ngħaqad ma’ Nottingham Forest.

Minn ma’ Forest ingħaqad ma’ Manchester City qabel ma kellu perjodu ta’ erba’ snin ma’ Sampdoria u staġun ma’ Atalanta fl-Italja. Fl-Iskozja Trevor Francis lagħab ma’ Rangers u wara ma’ QPR, fejn kien ukoll player-manager. Irwol simili kellu ma’ Sheffield Wednesday fejn fl-1993 wassalhom għall-finali tal-FA Cup u l-League Cup.

Francis irtira bħala plejer fl-1994, ftit qabel għalaq l-40 sena, wara li għamel 632 dehra u skorja 235 gowl. Ma’ Birmingham kien bħala manager bejn l-1996 u l-2001 u wassalhom għall-finali tal-League Cup fl-2001 u wara mexxa lil Crystal Palace għal sentejn.