Internazzjonali

Ir-Russja: Drones sparati lejn Moska…bil-qawwiet tal-Kremlin jeqirdu maħżen tal-qamħ għall-esportazzjoni

Ir-Russja qed takkuża lill-Ukrajna dwar ‘azzjoni premeditata’ b’konnessjoni ma’ attakk bid-drones li kkaġuna l-ħsarat f’talanqas żewġ blokok ta’ bini fil-belt kapitali ta’ Moska.

Intant, u għalkemm l-awtoritajiet Russi qalu li d-drones inqerdu qabel setgħu jikkaġunaw telf ta’ ħajja. l-azzjoni xukkjat lill-uffiċjali f’Moska peress li dehret diretta lejn il-qalba tal-kapitali – b’wieħed mid-drones jitwaqqa’ viċin ħafna l-bini tal-Ministeru għad-Difiża.

Il-Gvern Ukren ma kkummentax dwar l-azzjoni u meta hu rari li l-kelliema fi Kiev jieħdu responsabbiltà għall-attakki fuq it-territorji tar-Russja.

Fi żvilupp separat, uffiċjali leali għar-Russja ħarġu direttivi għall-evakwazzjoni ta’ residenti minn distrett partikulari fil-Krimea – il-penisola Ukrena li r-Russi kienu ħatfu u għaqqdu mat-territorji tagħhom fl-2014. Dan fost rapporti li l-evakwazzjoni seħħet b’riżultat ta’ allegat attakk ieħor bid-drones mill-Ukreni.

L-uffiċjali maħtura mill-Kremlin fil-Krimea qalu li wieħed mid-drones kien laqat depot tal-munizzjon fiz-zona ta’ Dzhankoi u li r-residenti tal-villaġġi f’dik iz-zona kellhom jabbandunaw djarhom bħala miżura ta’ prekawzjoni. L-azzjoni ma rriżultat fl-ebda vittmi.

Min-naħa tagħha, l-Ukrajna qalet li ndarbu talanqas erba’ persuni meta l-qawwiet Russi, fil-lejl tal-Ħadd u t-Tnejn, użaw id-drones għal attakk fuq hangar fejn kien hemm il-kunsinni tal-qamħ u li nqered kompletament fl-azzjoni. L-attakk tar-Russja kien dirett kontra żewġ portijiet Ukreni max-Xmara Danubju li tipprovdi rotta alternattiva għall-esportazzjoni tal-qmuħ ‘il hinn mill-Ukrajna.

Dan meta r-Russja qed tattakka regolarment ir-reġjun ta’ Odesa fejn l-Ukrajna għandha l-portijiet ewlenin fiz-zona tal-Baħar l-Iswed.