F’Pariġi tmiem l-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tour de France. Il-21 u l-aħħar prova kienet fuq medda ta’ 115.5 kilometru minn Saint Quentin en Yvellines sa Champs Elysees fil-qalba ta’ Pariġi.
Wara 3401.3 kilometri u 21 prova fuq medda ta’ 24 ġurnata, il-klassifika ġenerali intrebħet kif kien mistenni mid-Daniż Jonas Vingegaard ta’ Jumbo Visma li għamel total ta’ 82 siegħa, 5 minuti u 42 sekonda fuq it-3401.3 kilometri.
Fit-tieni post baqa’ Tadej Pogacar tas-Slovenja għal UAE Team Emirates b’distakk ta’ 7 minuti u 29 sekonda, filwaqt li fit-tielet post hemm il-Britanniku Adam Yates ukoll għal UAE Team Emirates b’distakk ta’ 10 minuti u 56 sekonda.
Ġustifikati ċ-ċelebrazzjonijiet fi tmiem l-aħħar prova fil-mument li Vingegaard kien ikkonfermat bħala r-rebbieħ tat-Tour de France 2023.
L-aħħar prova, li ma kellha ebda effett fuq il-klassifika ġenerali, intrebħet mill-Belġjan Jordi Meeus għal Bora Hansgrohe li rebaħ bi sprint fuq Jasper Philipsen tal-Belġju għal Alpecin u Dylan Groenewegen għal Team Jayco Alula, kollha f’ sagħtejn 56 minuta u 13-il sekonda.
//= $special ?>