Lokali

L-għoli tal-ħajja fost l-akbar inkwiet għall-Maltin

L-għoli tal-ħajja u ż-żieda enormi fil-prezzijiet tibqa’ l-akbar problema għall-Maltin u l-Għawdxin.

Dan kien konfermat mill-aħħar stħarriġ illi sar mill-kumpanija Esprimi għall-ġurnal Times of Malta…bir-riżultati juru xejra konsistenti, għaliex issa l-inflazzjoni  ilha xhur sħaħ ta’ uġigħ ta’ ras għall-familji.

Fil-fatt, din il-problema tant ilha tipersisti li l-Maltin kienu semmewha anke fis-survey li kien sar mill-MISCO.

Kważi wieħed minn kull ħames persuni jikunsidra l-għoli tal-ħajja bħala l-akbar problema li qed jaffaċja pajjiżna bħalissa; waqt li wieħed minn kull tlieta jqies din il-problema bħala l-ikbar waħda fuq livell individwali.

Iż-żieda fl-għoli tal-ħajja affetwati lil kulħadd, bil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel ikunu l-aktar li għolew – mill-ħobż sal-ħalib; minn prodotti tal-ħasil sa mediċini – il-prezzijiet kollha splodew ‘il fuq.

Intant…it-tieni l-akbar problema għan-nies, dejjem skont dan is-survey tat-Times, tibqa’ l-koruzzjoni bi 15% jgħidu li din hija l-akbar problema f’pajiżna, waqt li 6% jgħidu li din hija l-akbar problema fuq livell individwali. Interessanti l-fatt li 7% ta’ dawk li fl-aħħar elezzjoni ivvutaw Labour qed jgħidu li il-koruzzjoni hija l-akbar problema tagħhom, filwaqt li jsemmu wkoll l-għoli tal-ħajja, it-traffiku, l-iżvillup eżaġerat u dawk li qed iffitxu protezzjoni mill-istat.