Il-Ġimgħa, il-ġerrej Noel Baldacchino irrapreżenta lill-Malta fit-tieni leg tal-Kampjonat tal-Ġerrejja tal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed ġewwa Hippodrome Cote d’Azur ġewwa Cagnes-sur-Mer fi Franza. F’din l-okkazjoni Noel Baldacchino saq iż-żiemel ta’ 7 snin Taljan Adam Kirby Col li kien qiegħed jirritorna Franza wara xi żmien jiġri lura ġewwa pajjizu.
Noel Baldacchino kien qiegħed jibda bin-numru 11 mit-tieni filliera u wara bidu regolari sab postu wara żwiemel oħra fil-linja ta’ barra. Wara li żwiemel quddiemu ma bdewx jagħmlu progress, Noel Baldacchino kien kostrett jattakka kmieni u beda sprint fl-aħħar elf metru tat-tiġrija. Filwaqt li ż-żwiemel ta’ quddiem deheru nettament superjuri tul it-triq kollha, Noel Baldacchino beda jissielet għall-aħħar post fuq il-podju iżda ż-żiemel tiegħu għejja xi ftit lejn l-aħħar metri u spiċċa fil-ħames post. B’dan il-pjazzament, Noel Baldacchino rnexxielu jakwista t-tielet post fil-klassifika tal-kampjonat wara Pierre Vercruysse li rebaħ it-tiġrija fuq Fenix Du Loisr u r-raprezentant Taljan Gianpaolo Minucci li daħal fir-raba’ post tat-tiġrija fuq Formadible Voyage.
Għal din it-trasferta, Noel Baldacchino kien akkumpanjat mill-Viċi-Chairman tal-Malta Racing Club is-sur Tony Demanuele li fl-okkażjoni attenda laqgħa uffiċjali tal- Mediterranean and Black Sea Horse Racing Union li saret f’din l-okkazjoni.
