Lokali

“Pajjiżna spiċċa fi kriżi nazzjonali li qed twassal għal piżijiet ġodda fuq is-saħħa tal-poplu”

'Blackouts' li daħlu fit-tmien jum tagħhom

Pajjiżna jinsab fi kriżi nazzjonali minħabba l-qtugħ tad-dawl…. kriżi li qed twassal għal piżjiet ġodda fuq is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Hekk stqarr il-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn filgħodu indirizzata mill-Kelliem għall-Enerġija Mark Anthony Sammut, mill-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri u mill-Kelliem għas-Saħħa Mentali u Kura Primarja Ian Vassallo.

Mark Anthony Sammut qal li issa pajjiżna ilu ġimgħa għaddej minn din il-kriżi… fejn sal-bieraħ stess il-Prim Ministru Robert Abela serraħ ras il-poplu li s-sitwazzjoni kienet ġiet lura għan-normal, iżda sal-lejl li għadda stess u anke filgħodu kien għad hemm bosta residenzi bla dawl.

Id-Deputat Nazzjonalista sostna li issa l-Labour ilu fil-Gvern għal bosta snin u għalhekk hemm bżonn li jaħseb għal infrastruttura li tkun tiflaħ għall-impatt qawwi li qed tħalli ż-żieda fil-popolazzjoni. Fakkar kif kien hemm esponenti tal-Labour stess li ammettew li l-infrastruttura mhux tlaħħaq.

Mark Anthony Sammut qal li apparti l-qtugħ tad-dawl, pajjiżna mhux qed ilaħħaq lanqas mas-servizz tad-drenaġġ, mas-servizz tas-saħħa, mat-traffiku u lanqas mal-għoli tal-ħajja. Fejn quddiem din il-kriżi għandna Gvern Laburista li huwa mhedi fi ġied intern u għadu sa issa ma ndunax li għandu b’mod immedjat itejjeb l-infrastruttura ta’ pajjiżna. Huwa saħaq li dan kollu li qed iseħħ, huwa frott ta’ nuqqas ta’ pjanar min-naħa tal-Gvern ta’ Robert Abela.

Il-Kelliem għas-saħħa Stephen Spiteri tkellem dwar il-bżonn li min imexxi pajjiża għandu jkun iktar responsabbli għal dak li għaddejjin minnu. Dan hekk kif il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku qed jolqot lil eluf ta’ familji u anke lil bosta ħaddiema… tant li anke qed jaffettwa wkoll l-istat ta’ saħħa tal-persuni.

Quddiem dan kollu l-Partit Nazzjonalista għandu obbligu li jirrikonoxxi dawn is-sofferenzi li għaddejin minnhom il-Maltin u l-Għawdxin.

Huwa qal li bosta persuni jiddependu fuq l-elettriku biex jieħdu t-trattament li għandhom bżonn għall-kundizzjoni tagħhom proprju mid-dar tagħhom stess. Kien għalhekk li bosta pazjenti ma setgħux ikomplu bit-trattament tagħhom proprju minħabba dan il-qtugħ tad-dawl. Apparti hekk, kien hemm ukoll bosta persuni li kellhom il-mediċina miżmuha fil-fridge tagħhom u kellhom jarmuha minħabba li għamlu ammont kbir mingħajt dawl.

Stephen Spiteri qal li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, minkejja li hemm generator, ħafna swali spiċċaw mingħajr AC b’detriment għas-saħħa tal-pazjenti vulnerabbli. Huwa semma wkoll kif kien hemm bosta persuni li qabdithom ansjetà proprju minħabba dan il-qtugħ tad-dawl.

Quddiem dan kollu, huwa qal li pajjiżna għandu bżonn politika serja b’azzjonijiet u soluzzjonijet immedjati, fejn kulħadd ikollu d-dritt li jgħix b’mod komdu. 

Min-naħa tiegħu d-Deputat Ian Vassallo, filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha fosthom dawk li jaħdmu fis-settur tas-saħħa u anke lill-ħaddiema tal-Enemalta, qal li bosta familji għaddew u għadhom għaddejjin minn martirju kbir minħabba il-qtugħ tad-dawl. Anzjani li spiċċaw anke f’solitudni f’iljieli fid-dlam, pazjenti, fosthom dawk li jbatu mid-dijabete, li spiċċaw bil-magni mitfijin, nies li anke spiċċaw tilfu l-appuntamenti tagħhom l-Isptar minħabba li ma setgħux joħorġu mir-residenza tagħhom għax il-lift ma kienx qed jaħdem.

Huwa tkellem ukoll dwar is-saħħa mentali, fejn fost l-oħrajn fl-Isptar Monte Karmeli, il-pazjenti spiċċaw għal sigħat twal mingħajr dawl u dan iqajjem bosta istoqsijiet fosthom jekk il-generators għadhomx hemm u jekk hux qed issirilhom manutenzjoni. U dan apparti l-fatt li l-pazjenti spiċċaw iktar anzjużi kawża ta’ dan il-qtugħ ta’ dawl. Id-Deputat Nazzjonalista semma wkoll is-sitwazzjoni li spiċċa fiha ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, fejn il-generators spiċċaw ma laħqux mad-domanda.

Ian Vassallo qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem ra li l-pazjenti jiġu l-ewwel u qabel kollox u huwa għalhekk li se jkompli jaħdem sabiex jara li tiġi inirizzata din il-problema tal-overload li qed taffettwa lill-pajjiż kollu.