Il-Kap tal-Partit Popolari Spanjol, Alberto Nunez Feijoo, iddikjara rebħa fl-elezzjoni ġenerali tal-Ħadd; avolja l-partit tiegħu ma kisibx ir-riżultat li xtaq biex jiggverna waħdu. Fil-fatt. il-Partit Popolari lanqas ma jista’ jaċċerta minn maġġoranza bl-appoġġ tal-politiċi estremisti tal-lemin bħalma kien imbassar.
Is-sitwazzjoni tfisser riżultat elettorali inkonklussiv għall-Ispanjoli, bil-partiti rispettivi, fl-aħħar sigħat, jiltaqgħu sabiex janalizzaw is-sinifikat ta’ dan il-vot nazzjonali.
L-osservaturi qed jistennew biex Alberto Nunez Feijoo, bħala l-Kap tal-akbar partit Spanjol, jikkuntattja lill-Prim Ministru u Kap tas-Soċjalisti Pedro Sanchez, bl-iskop li jipperswadih jappoġġja lill-Partit Popolari fit-twaqqif ta’ Gvern ibbażat fuq arranġamenti speċifiċi.
Madankollu mhux mistenni li Sanchez, rivali kbir ta’ Feijoo, jaċċetta li jgħin għat-twaqqif ta’ Gvern immexxi mill-Partit Popolari. Fil-fatt, l-istess Sanchez iddikjara li falliet l-alleanza tal-Partit Popolari mal-Partit estremista Vox – alleanza li hu fissirha bħala entità politika reazzjonarja.
Alberto Nunez Feijoo, bħala l-Kap tal-partit li rebaħ l-aktar voti, se jkun mistienden biex jifforma Gvern mir-Re Felipe ta’ Spanja. U f’każ li Feijoo ifalli milli jikseb l-appoġġ neċessarju mill-entitajiet politiċi l-oħra, din l-opportunità kapaċi tingħata lil Pedro Sanchez bħala l-Kap tat-tieni l-akbar partit Spanjol.
Minkejja r-riżultat elettorali inkonklussiv, Feijoo, waqt diskors lill-partitarji konservattivi, qal li d-dover tiegħu hu li jipprova jifforma Gvern; filwaqt li awgura li dan iż-żmien ma jkunx il-bidu ta’ perjodu ta’ inċertezza għall-pajjiż.
Hu x’inhu l-każ, is-sitwazzjoni preżenti hi waħda tassew inċerta peress li l-Partit Popolari ta’ Feijoo, li kiseb 136 siġġu fl-elezzjoni, xorta se jkollu seba’ siġġijiet anqas minn maġġoranza assoluta fil-Parlament u f’każ ta’ alleanza formali mal-Partit radikali tal-lemin Vox li se jkun irrappreżentat minn 33 deputat fl-Assemblea.
Anke għas-Socjalisti hu ferm difficli li jiffurmaw Gvern, ghaliex jeħtieġu l-appoġġ tal-Partit ‘Flimkien għal Katalunja’ magħmul mis-separatisti konservattivi u li qed jinsistu għall-indipendenza tar-reġjun tal- Katalunja mill-kumplament ta’ Spanja. Dan fost rapporti li t-Tmexxija ta’ dan il-partit separatista qed tuża r-riżultat elettorali bħala tieqa ta’ opportunità biex tattwa l-indipendenza storika tar-reġjun.
//= $special ?>

