Futbol Sport

Tazza tad-Dinja tan-Nisa: Ary Borges protagonista f’rebħa konvinċenti għall-Brażil

(Ritratt: EPA)

Grupp F:

BRAŻIL………..4

PANAMA…….0

Kif kien mistenni, il-Brażil bdew b’rebħa bla wisq diffikultà kontra l-Panama b’żewġ gowls f’kull taqsima.

L-As Canarinhas marru minn fuq fid-19-il minuta bil-kross ta’ Debinha jsib lil Ary Borges żmarkata għal kollox u b’daqqa ta’ ras mill-viċin għelbet lil Bailey. Borges skorjat it-tieni gowl personali fid-39 minuta minn azzjoni mibdija mix-xellug minn Tamires li tefgħet kross fuq Borges li l-ewwel tentattiv tagħha bir-ras kien milqugħ parzjalment minn Bailey u mir-rebound il-plejer ta’ Racing Lousville tefgħet fix-xibka biex l-ewwel taqsima ntemmet 2-0 favur il-Brażiljani.

Fit-tieni taqsima l-Brażiljani komplew fejn ħallew fl-ewwel 45 minuta u wara biss tliet minuti skorjaw it-tielet gowl fejn minn azzjoni mibdija minn Debinha, il-ballun wasal għand Borges li minn quddiem il-lasta minflok ikkonkludiet, tat lura bit-takkuna lejn Bia Zaneratto li tefgħet ġewwa bla problemi.

Ary Borges għaqdet hat-trick u ssiġillat ir-rebħa Brażiljana fis-70 minuta meta minn kross tal-plejer ta’ Barcelona Geyse, b’daqqa ta ras mill-isbaħ tefgħet għal darb’oħra wara Bailey għal skor finali ta’ 4-0.