Ir-Rabat, Ħad-Dingli, l-Imtarfa, il-Ħamrun, Ħ’Attard, Tas-Sliema, l-Imsida …. dan huma kollha zoni li fl-aħħar sigħat reġgħu esperjenzaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku. Bid-dawl, għas-seba’ lejl konsekuttiv, jerġa’ jinqata’ għal eluf ta’ familji.
Dan minkejja li l-Ħadd l-Prim Ministru Robert Abela saħaq li s-sitwazzjoni kienet tinsab taħt kontroll… fejn fl-istess nifs qal ukoll li m’hemmx garanzija li d-dawl ma kienx se jerġa’ jinqata’ minħabba s-sħana… kif filfatt reġa’ seħħ.
Din il-kriżi nazzjonli tal-qtugħ tad-dawl issa saret waħda inaċċettabbli għal eluf ta’ familji li ta’ kuljum qed jispiċċaw mingħajr provvista ta’ dawl f’dawn il-ġranet b’temperaturi sħan li qed jolqtu lil pajjiżna. B’dan kollu qed iħalli wkoll impatt fuq is-saħħa tal-persuni fosthom anzjani u dawk l-aktar vulnerabbli.
Fl-eqqel ta’ din il-heatwave li qed taħkem lil pajjiżna bosta familji spiċċaw kellhom jarmu l-ikel kollu li kellhom fil-fridge u l-freezers… fejn anke saħanistra kien hemm min spiċċa wkoll mingħajr ilma peress li l-ilma jaslilhom permezz ta’ pompa li taħdem bid-dawl.
Dan apparti li din il-kriżi fil-provvista tad-dawl qed tolqot direttament ix-xogħol ta’ numru kbir ta’ negozji, ħwienet, u anke ristoranti li spiċċaw kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom għal numru ta’ ġranet.
Ħadd għadu ma jaf b’ċertezza x’qiegħed jikkawża din il-kriżi nazzjonali – bl-unika dikjarazzjoni tkun li dan qed iseħħ minħabba li s-sħana qawwija li qed taffettwa l-cables taħt l-art.
U quddiem din is-sitwazzjoni li tista’ tgħid affettwat kważi lil kull ċittadin Malti u Għawdxi…. ma kien hemm ebda serħan il-moħħ u soluzzjonijiet min-naħa tal-Prim Ministru Robert Abela mill-Ministru responsabbli minn dan is-settur Miriam Dalli.
Smajna biss appelli biex wieħed jieħu paċenzja bħal ma stqarret fuq Facebook il-Ministru Julia Farrugia Portelli….fejn qalet illi dan huwa ċans tajjeb biex wieħed joqgħod jaqra ktieb…. ovvjament… fis-sħana.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jisħaq li l-familji Maltin u Għawdxin ħaqqhom id-dinjità li verament tixraqilhom, li jingħataw kumpens b’mod sħiħ, xieraq u awtomatiku kif ukoll li l-investimenti fil-manutenzjoni jsiru b’mod kostanti.
//= $special ?>