Lokali Temp

Twissija tas-saħħa dwar temperaturi għoljin għas-sajf

Il-mewġa ta’ sħana se tippersisti madwar il-Gżejjer Maltin b’temperatura massima mbassra ta’ 42°C skont l-allert aħmar tal-METOFFICE.

It-temperaturi tas-sajf jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa. F’mewġa ta’ sħana, wieħed jista’ jiġi deidrat, u l-ġisem jista’ jisħon iżżejjed. Dan jista’ jwassal għal eżawriment tas-sħana jew heatstroke, li t-tnejn jeħtieġu trattament urġenti. Il-heatstroke jista’ jikkawża ħsara serja lil ġismek u jista’ saħansitra jwassal għall-mewt.

Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd, iżda ċerti nies huma f’riskju akbar ta’ ħsara serja. Dawn jinkludu:

  • Anzjani, speċjalment dawk li għandhom aktar minn 75 sena;
  • Trabi u tfal żgħar;
  • Nies b’kundizzjoni kronika tas-saħħa bħal kundizzjonijiet respiratorji jew tal-qalb;
  • Persuni bi problemi ta’ saħħa mentali;
  • Nies li għandhom id-deni minħabba infezzjoni;
  • Nies li jabbużaw mill-alkoħol jew jużaw drogi illegali;
  • Persuni bi problemi ta’ mobbiltà;
  • Nies li huma fiżikament attivi bħal ħaddiema manwali jew sportivi.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa javżaw lill-pubbliku biex jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom mill-effetti tas-sħana u javżaw lit-tabib jekk wieħed jesperjenza sinjali u sintomi ta’ eżawriment tas-sħana. Huwa wkoll rakkomandat li tiċċekkja regolarment fuq l-anzjani u dawk aktar f’riskju speċjalment jekk jgħixu waħedhom.

Biex jiġu evitati l-effetti tal-mewġa tas-sħana:

  • Evita s-sħana billi tevita kull espożizzjoni bla bżonn għax-xemx waqt perjodi sħan tal-ġurnata  bejn il-11.00am sal-4.00pm;
  • Żomm frisk billi toqgħod fl-aktar partijiet friski tad-dar u tax-xogħol;
  • Agħlaq il-purtieri fuq kmamar li jiffaċċjaw ix-xemx biex l-ispazji ta’ ġewwa jinżammu aktar friski;
  • Ixrob l-ilma regolarment biex tpatti għat-telf u kul aktar ikel kiesaħ;
  • Evita likwidi deidratanti. L-alkoħol, il-kafè, it-te u soft drinks bil-kaffeina jistgħu jkunu  aktar ta hsara milli jgħinu;
  • Ilbes ħwejjeġ ħfief;
  • Qatt tħalli lil ħadd f’vettura magħluqa u pparkjata, speċjalment trabi, tfal żgħar jew annimali;
  • Evita sforz fiżiku fl-iktar partijiet sħan tal-ġurnata;
  • Imxi fid-dell, applika protezzjoni ghax-xemx u ilbes kappell jekk ikollok toħroġ fis-sħana;
  • Fittex parir mediku jekk għandek xi tħassib.

Eżawriment tas-sħana u heatstroke

Sintomi ta ‘eżawriment tas-sħana jinkludu:

  • Uġigħ ta’ ras;
  • Sturdament;
  • Dardir u rimettar;
  • Dgħjufija fil-muskoli jew bugħawwieġ;
  • Ġilda ċara;
  • Temperatura għolja.

Is-sintomi ta’ heatstroke jinkludu:

  • Uġigħ ta’ ras;
  • Dardir;
  • Għatx qawwi;
  • Ngħas;
  • Ġilda sħuna, ħamra u xotta;
  • Żieda f’daqqa fit-temperatura;
  • Konfużjoni;
  • Aggressjoni;
  • Konvulżjonijiet;
  • Telf tas-sensi.