Wara ż-żewġ surveys tal-Ħadd li għadda li wrew li l-poplu qed ikompli jitlef il-fiduċja f’Robert Abela u fil-Partit Laburista
Il-ġimgħa l-oħra dan il-ġurnal żvela kif litteralment Robert Abela jinsab f’paniku kbir u qiegħed jagħmel żbalji kbar anki fuq livell ta’ tmexxija… kemm fuq livell ta’ gvern u anki fuq livell ta’ partit fejn m’hemmx biżżejjed min jiqaflu għall-ħmerijiet li joħroġ bihom.
Konferma ta’ dan is-sentiment ta’ rabja u diżappunt fil-konfront ta’ Robert Abela espressa wkoll fiż-żewġ surveys tal-Ħadd li għadda meta kemm il-gazzetta MaltaToday u anki t-The Sunday Times qablu fis-sondaġġi tagħhom li Robert Abela qiegħed jitlef l-appoġġ pubbliku b’rata mgħaġġla.
Imma bħal donnu Robert Abela jibqa’ ma jindunax bil-waqgħa kostanti tiegħu sal-punt li jibqa’ jgħid affarijiet li fil-veru sens tal-kelma mhumiex veritieri.
Il-ġimgħa l-oħra vvinta l-istorja dwar it-talba għall-estensjoni mill-Maġistrat Inkwerenti dwar it-traġedja ‘Jean Paul Sofia’ u minnufih kien hemm min giddbu (l-Eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi) u issa, ftit sigħat biss ilu, ħareġ bl-aħbar li l-problema tal-qtugħ tad-dawl kienet sorpassata u solvuta iżda minnufih il-Korporazzjoni Enemalta litteralment giddbitu u qalet li dan ma kienx minnu għaliex għadha qed tiffaċċja diversi ħsarat f’bosta lokalitajiet madwar il-gżejjer Maltin.
Turija ċara daqs il-kristall li “l-imfissed” Robert Abela – kif hemm min qiegħed isejjaħlu fost il-Grupp Parlamentari Laburista – qiegħed jgħix f’dinja għalih. Għaliex hekk tagħmillek l-arroganza. L-arroganza ġġiegħlek tirraġuna li la int tajjeb int, allura tiġi taqa’ u tqum minn ħaddieħor li jkun qiegħed ibati… f’dan il-każ il-poplu Malti u Għawdxi mċaħħad mis-serħan tal-moħħ tas-servizz tal-elettriku.
U fl-isfond ta’ dan kollu kellu raġun biex ibigħ is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett li nhar il-Ħadd irrikorra għall-midja soċjali biex ta xebgħa lill-istess Robert Abela u l-arroganza li jmexxi biha.
Kiteb Chris Bonett fuq il-midja soċjali li: “Is-surveys qed juru stampa ċara ħafna. Aktar ma jgħaddi ż-żmien in-nies qed titlef il-fiduċja fil-politika u aktar minn hekk fina l-politiċi. Ma nagħtihomx tort.”
Chris Bonett kompla jwissi b’ton dirett li: “Meta kellna nisimgħu ma smajniex u meta kellna nagħmlu m’għamilniex. Fuq kollox qed jinħass li hemm minna li saru arroganti u jaraw lil kulħadd dubbien. U mhux il-politiċi biss. Fiċ-Ċivil u l-entitajiet tal-Gvern hemm min irid jerfa’ ukoll.” Spot on minn Chris Bonett għal min irid jifhem u ma jibqax jgħix f’cuckoo land bħal Robert Abela u xi ftit oħrajn madwaru li jaħsbu li laħqu s-sema b’idhom.
Ikompli Chris Bonett li: “U mhux qed nirreferi għalina biss, għax il-verità hi li aħna naqqasna… Jiġifieri l-politiċi kollha qed jirċievu messaġġ u ħadd m’għandu għalfejn ikun kuntent dalgħodu.”
Hawnhekk hu jwiddeb lil Robert Abela li: “Jekk mhux se nirrealizzaw, kollha kemm aħna, li ġejna eletti biex inservu lin-nies b’umiltà, din l-isfiduċja se tkompli tikber.
“Mhuwiex tard biex nirranġaw ir-rotta. In-nies lilna jridu mmexxu l-pajjiż… però jriduna nkunu aħjar.”
Hu żied li: “Jien se nipprova nisma’ iktar, nagħmel aktar u nkun iktar umli u jekk qed tħossu li qed nonqoskom kellmuni ħalli nipprova nkun aħjar. Għax in-nies dejjem għandhom raġun!” temm Chris Bonett.
Dan kollu b’riferenza għall-istħarriġ tal-opinjoni pubblika pubblikat f’żewġ gazzetti bl-Ingliż nhar il-Ħadd li għadda fejn filwaqt li l-istħarriġ pubblikat minn The Sunday Times juri li hemm distakk ta’ 18,000 vot, bil-Partit Laburista għadu minn fuq, il-parti l-kbira ta’ dawk li wieġbu għall-eżerċizzju li sar mill-gazzetta MaltaToday qalu li jafdaw u jippreferu jaraw lill-Partit Nazzjonalista fil-gvern minflok pajjiżna jibqa’ mmexxi mill-Gvern ta’ Robert Abela.
Fil-fatt, minn dawk li wieġbu dan l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, 30.2 fil-mija ppreferew lill-Partit Nazzjonalista u 29.6 fil-mija qalu li jippreferu lill-Partit Laburista – riżultat li l-Partit Nazzjonalista ilu ma jikseb madwar ħmistax-il sena, bil-Partit Laburista jinżel fl-agħar xenarju li qatt kien fih sa minn mindu ilhom isiru surveys minn din l-istess gazzetta.
Dan l-istħarriġ janalizza kemm il-perjodu li fih faqqgħet il-kriżi nazzjonali tal-qtugħ ta’ dawl u anke l-każ tal-Inkjesta Pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia. Dan hekk kif is-survey inħadem bejn l-10 u l-20 ta’ dan ix-xahar.
F’dan l-istħarriġ ħareġ ukoll kif 22.6 fil-mija ta’ dawk li wieġbu qalu li ma jridux jivvutaw fl-elezzjoni li ġejja filwaqt li 2.4 fil-mija se jkunu qed jivvutaw lil partiti oħra li mhumiex il-Partit Laburista jew il-Partit Nazzjonalista.
Dan l-istħarriġ juri xejra konsistenti għall-Partit Nazzjonaista, li ilu sa minn Frar iżid l-appoġġ popolari. Hu wkoll survey li f’diversi aspetti jaqbel ma’ dak ippubblikat minn The Sunday Times of Malta hekk kif din il-gazzetta tindika biċ-ċar li l-Partit Laburista kompla jnaqqas fil-popolarità. Fil-fatt, fil-faċċata tagħha, din il-gazzetta tuża l-frażi “Abela in freefall”.
Filwaqt li s-Sunday Times tgħid li dan hu l-agħar riżultat li kiseb il-Partit Laburista fl-aħħar snin, in-numri xorta juru li għadu b’vantaġġ ta’ 18,000 vot. Bil-Partit ta’ Robert Abela jnaqqas ħamsa fil-mija mis-sena l-oħra ’l hawn. Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista żied bi tnejn fil-mija fuq sena.
//= $special ?>