Il-kumpilazzjoni ta’ tliet irġiel u żewġ nisa li qed iwieġbu mhux ħatja tal-omiċidju involontarju taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, li miet fl-età ta’ 20 sena f’kollass ta’ kostruzzjoni ta’ Kordin se tinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.
Il-provi dwar dan il-każ se jibdew jinstemgħu nhar l-Erbgħa, 9 ta’ Awwissu fl-10:30am. Sofia nqatel f’inċident f’sit ta’ kostruzzjoni f’Diċembru li għadda, wara li bini ta’ tliet sulari li kien qed jaħdem fih waqa’ waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.
Dak inhar ħamest irġiel, tliet Albaniżi, Malti u Bosnjan kienu ġew salvati minn membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Il-ħames akkużati li tressqu nhar il-Ħadd li għadda quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ingħataw il-libertà proviżorja taħt kundizzjonijiet stretti fosthom li jiddepożitaw il-passaporti tagħhom mal-qorti, u ma jitilqux mill-pajjiż.
L-akkużati huma: Matthew Schembri ta’ 38 sena, Direttur tal-kumpanija, minn Birkirkara; Kurt Buhagiar ta’ 39 sena impjegat min-Naxxar; Adriana Zammit, 35 minn Ħaż-Żabbar, li hija perit, Milomir Jovicevic ta’ 39 sena, Direttur fil-kumpanija tal-kostruzzjoni ma’ martu Dijana ta’ 39 sena, t-tnejn tal-kumpanija Milmar Construction Ltd..
Il-ħamsa qed jiġu mixlija li kkawżaw il-mewt ta’ Jean Paul Sofia u b’feriment ta’ ħames ħaddiema oħra, identifikati bħala Vladimir Laketic, Gentjan Carku, Lulzim Carku, Denis Carku, u Sammy David Curtis u li b’negliġenza kkawżaw ferita gravi lill-istesss ħames ħaddiema.
Il-Perit Adriana Zammit waħedha ġiet mixlija li naqset mid-dmir tagħha li twettaq xogħlijiet fuq il-proprjetà skont l-aħjar prattiċi u standards tal-industrija għall-ħarsien tal-ambjent u ż-żoni immedjati, l-utenti tagħha u l-pubbliku ġenerali.
L-iżviluppatur Matthew Schembri waħdu kien akkużat b’falsifikazzjoni ta’ dokument pubbliku jew kummerċjali awtentiku, permezz ta’ falsifikazzjoni tal-firma ta’ wieħed bl-isem ta’ John Muscat fuq l-Avviż tal-Bidu fis-sit tal-bini, li xjentement għamel użu mid-dokument falsifikat imsemmi, li xjentement ta informazzjoni falza lil awtorità pubblika sabiex jikseb vantaġġ jew benefiċċju għalih innifsu jew għal xi ħadd ieħor; u tagħmel it-tieni falsifikazzjoni jew użu ta’ Avviż ta’ Bidu falsifikat ieħor.
Schembri u Kurt Buhagiar flimkien, fil-kapaċitajiet personali tagħhom u bħala diretturi ta’ Allplus Limited u Schembri bħala direttur ta’ White Frost Company Limited u Milomir Jovicevic fil-kapaċità personali tiegħu u bħala direttur ta’ Milmar Construction Ltd u Dijana Jovicevic bħala direttur ta’ Milmar Construction Ltd, ġew akkużati li naqsu mid-dmirijiet tagħhom bħala impjegaturi biex jiżguraw is-sigurtà tal-impjegati tagħhom, billi naqsu milli jieħdu l-ħsara fiżika jew mewt meħtieġa fuq il-post tax-xogħol.
Fl-ewwel udjenza mistennija jixhdu l-investigaturi f’dan il-każ.
L-avukati Joe Giglio u David Bonello qed jirrappreżentaw lil Isabelle Bonnici u John Sofia, il-ġenituri tal-vittma, bħala parte civile. Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jirrappreżentaw lill-iżviluppaturi, Kurt Buhagiar u Matthew Schembri. Steven Tonna Lowell qed jirrappreżenta lill-perit Adriana Zammit L-Avukat Timothy Bartolo qed jirrappreżenta lill-kuntrattur Miromir Jovicevic u lil martu, li hija direttur tal-kumpanija ta’ Jovicevic, Milmar Construction.