Lokali Qorti

Ħames snin u nofs ħabs għax darab gravi raġel b’sikkina

Simar Halil Hannan, Sirjan ta’ 26 sena li kien akkużat li darab b’mod gravi lil Lamir Mohammad ta’ 29 sena, ukoll Sirjan, li tah daqqiet ta’ sikkina f’għonqu, ġie kundannat ħames snin u nofs ħabs mill-Maġistrat Joe Mifsud li warrab it-teżi li kien laqat lill-vittma bi żball waqt ġlieda li faqqgħet f’garaxx fi Triq il-Kappar, il-Mosta, għall-ħabta tal-10pm.

Il-Pulizija mxiet fuq it-teżi li l-konverżjoni ta’ raġel Musulman għall-Kristjaneżmu kienet il-mottiv li qala daqqiet ta’ sikkina f’garaxx fil-Mosta fis-26 ta’ Jannar tal-2021. Huwa nstab ħati li mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li qiegħed il-ħajja ta Lamir Mohammed f’ perikolu ċar ikkaġunalhu ġrieħi gravi permezz ta arma irregolari hekk kif iccertifikat min Tabiba Luana Formosa

U aktar talli fl-istess data, hin lok u cirkustanzi ħebb kontra Lamir Mohammed sabiex jinġurjah, idejjqu jew jagħmillhu l- ħsara. U talli volontarjament kiser il- kwiet u l- bon ordni jewil- paci pubblika b’ghajjat u storbju u li qal kliem għoxxen li jikkonsisti f’ dagħa fil-pubbliku

F’seduta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Surġent tal-Pulizija kien xehed li Lamir kien qal lill-pulizija li kien maħsub li jiltaqa’ ma’ raġel ieħor – ċertu Jomah – biex jirċievi xi flus dovuti lilu, iżda meta mar fil-garaxx tar-raġel sab Simar jistennieh.

Is-Surġent qal li Lamir kien spjega li kien Musulman u kien ikkonverta għall-Kristjaneżmu biex jiżżewweġ mara Maltija. “Fis-Sirja kien hemm prattika li biha jekk joqtlu persuna li tiċħad ir-reliġjon Musulmana, huma assigurati li jgħaddu għall-Ġenna fil-ħajja ta ‘wara”, kompla s-Surġent.

Min-naħa tiegħu, Jomah kien qal lill-Pulizija li kellu d-dejn mall-vittma fuq xi xogħlijiet tal-aluminju u kien laqtu bi żball waqt li kien qed jaħdem. L-Avukat tal-parti civile Matthew Xuereb, li deher għal Lamir flimkien mal-avukat Lucio Sciriha, ripetutament insista li l-Prosekuzzjoni għandha żżid ir-reat ta’ attentat ta’ qtil fl-att tal-akkuża, u żied li l-klijent tiegħu issa kien qed jgħix fit-terrur tal-irġiel.

Dan wassal għal skambju qawwi mal-Qorti, li ordnat lill-Avukat biex iżomm il-kalma, u fakkru li ma kellu l-ebda dritt jkun parti fis-seduta. L-espert tal-Qorti Mario Scerri kien ippreżenta lill-Qorti rapport dwar il-ġrieħi tal-vittma fil-jiem li ġejjin.

Il-Qorti imponiet ukoll ordni ta trazzin fil- konfront tal- vittma għal perjodu ta’ tliet snin, kif ukoll li jħallas l- ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-ħatra tal- periti tal- qorti li jammontaw għal 2,057.40 euro. L-Avukat Arthur Azzopardi qed jidher għall-akkużat. Il-Prosekuzzjoni L-Avukati Roberto Spiteri u Michael Sciriha deheru għan-nom tal-vittma.