It-tneħħija ta’ Qin Gang minn Ministru Ċiniż għall-Affarijiet Barranin ikkonkludiet misteru li ilu għal ġimgħat u meta l-aħħar impenji tiegħu bħala Ministru kienu jmorru lura għall-25 ta’ Ġunju.
Minn dakinar, Qin Gang ma deher qatt aktar fil-pubbliku fost l-ispekulazzjoni kbira li qamet dwar id-destin tiegħu.
Sadanittant, it-tneħħija tiegħu wara seba’ xhur biss fil-kariga tindika li hu kisirha bil-kbir mal-President taċ-Ċina Xi Jinping u wara li hu kien meqjus bħala ‘alleat u kollaboratur kbir’ mal-Mexxej tal-Istat komunista.
Is-suċċessur ta’ Qin fir-rwol ta’ Ministru għall-Affarijiet Barranin se jkun Wang Yi – il-Kap għall-Affarijiet Barranin mal-Partit Komunista u li wkoll għamel żmien bħala Ministru bl-istess dekasteru fuq bażi nazzjonali.
Mistenni wkoll li Wang Yi għandu jippersisti bi stil aggressiv ta’ diplomazija fil-konfront tal-pajjiżi u skont id-diktat minn Beijing.
Is-sitwazzjoni, intant, hi umiljanti ħafna għal Qin Gang li sa ftit żmien ilu kien fost l-aktar uffiċjali ‘fdati’ ta’ Xi Jinping – bil-media tal-Istat tikkonferma li hu spiċċa ‘imwarrab għal ħaddieħor’.
Ma ngħatat l-ebda reġuni għat-tneħħija ta’ Qin minn Ministru iżda hu kważi ċert li l-President Xi Jinping innifsu iffirma d-digriet li kien awtorizza dan il-pass.
//= $special ?>