Internazzjonali

Id-Danimarka: Il-pajjiżi Musulmani jikkundannaw il-ħruq tal-Koran mill-estremisti

Numru ta’ pajjiżi Musulmani kundannaw bl-aħrax l-azzjoni minn grupp ta’ estremisti fid-Danimarka li ħarqu kopja tal-Koran barra l-Ambaxxata tal-Iraq f’Kopenhagen. Il-grupp radikali għandu l-isem ta’ ‘Danish Patriots’ u l-membri tiegħu ġibdu dik l-azzjoni b’livestream u bil-filmat, imbagħad, jittella fuq Facebook.

L-azzjoni qanqlet reazzjoni furjuża, b’mijiet ta’ dimostranti f’Bagdad jippruvaw jimmarċjaw sal-ambaxxata Daniża fil-kapitali tal-Iraq.

Proprju l-ġimgħa l-oħra , xi persuni fi Stokkolma, il-kapitali tal-Iżvezja, ukoll kienu ħarqu kopja tal-Koran u l-pajjiżi Musulmani issa ngħaqdu fi stqarrija ta’ kundanna ‘għall-estremiżmu u l-mibgħeda simbolizzati f’dawn l-azzjonijiet’.

Fl-inċident tat-Tnejn f’Kopenhagen, żewġ dimostranti dehru qed jaqbżu fuq il-kopja tal-Koran qabel tawha n-nar qrib ta’ bandiera tal-Iraq li kienu poġġewha mal-art. Dan meta l-Musulmani jikkunsidraw il-Koran bħala ktieb qaddis u ma jittolleraw l-ebda disrispett lejh li, għalihom, hu insult lill-Iżlam.

Anki fil-Jemen kien hemm id-dimostrazzjonijiet fejn in-nies f’Sanaa esprimew rabja kbira għall-Iżvezja u d-Danimarka. Dan waqt li t-Turkija referiet għall-ħruq tal-Koran bħala ‘attakk deplorevoli’ u bil-Gvern Alġerin jinsisti biex l-ambaxxaturi tad-Danimarka u l-Iżvezja bażati f’Alġeri jikkundannaw l-azzjonijiet bla riservi.

Protesti oħra saru mill-Iran u l-Qatar – bil-Ministeru Daniż għall-Affarijiet Barranin fl-aħħar sigħat jistqarar li pajjiżu ‘qed jikkundanna l-ħruq tal-Koran minn numru żgħir ħafna ta’ individwi’.