Internazzjonali

Il-Belġju: It-‘Terroristi ta’ Brussell’ misjuba ħatja dwar omiċidju

Qorti fi Brussell iddikjarat sitt irġiel bħala ħatja dwar omiċidju relatat mat-terroriżmu – aktar minn seba’ snin wara l-attakki bil-bombi minn militanti suwiċida li, f’Marzu tal-2016, ħallew 32 mejtin fl-ajruport tal-belt u fl-istazzjon tal-metro fil-kapitali Belġjana.

Il-verdetti nqraw wara ġuri fit-tul u kważi 20 jum ta’ deliberazzjonijiet fost il-ġurati.Uħud mit-terroristi taħt proċess kienu diġà kundannati għal sehem fl-attakki terroristiċi li kienu seħħew xhur qabel f’Pariġi, fi Franza.

Wieħed minnhom, Salah Abdeslam, kien spiċċa arrestat xi jiem qabel seħħew l-isplużjonijiet fi Brussell. L-istess terrorista, is-sena l-oħra, kien instab ħati dwar l-attakki terroristiċi storiċi tal-2015 fil-qalba ta’ Pariġi fejn kienu nqatlu 130 persuna.

Intant, il-proċess fil-Belġju wkoll għadda kundanna dwar omiċidju u attentat ta’ qtil fil-konfront ta’ Abdeslam li huma relatati mal-ippjanar għall-attakki tal-2016 fi Brussell.