Futbol Sport

Il-moral tat-tim huwa għoli u l-atmosfera fid-dressing room tinsab tajba ħafna – Oliver Spiteri

Wara li rnexxielhom jagħmluha għat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Europa Conference League, Balzan issa jiltaqgħu kontra Neman Grodno tal-Belarus, għada l-Erbgħa fil-Gyirmoti Stadion, f’Gyor l-Ungerija.

Net Sports tkellem mal-kowċ ta’ Balzan Oliver Spiteri li qal li jinsab kuntent bil-preparazzjoni tat-tim għal din il-partita. ”Wara l-logħba u l-kwalifikazzjoni kontra Domzale, il-moral tat-tim huwa għoli u l-atmosfera fid-dressing room hija waħda tajba ħafna. Kullħadd jinsab kuntent li lħaqna t-tragward li kellna f’moħħna” qal Spiteri.

Spiteri qalilna wkoll li t-tim jinsab konxju tal-qawwa tal-avversarji.

”Nafu li quddiemna għandna partita diffiċli kontra tim denju u qawwi, iżda aħna m’għandna xejn x’nitilfu u studjajna sew lill-avversarji. Apparti lil Prates, li ovjament huwa sospiż wara t-tkeċċija fl-aħħar logħba, il-plejers kollha huma disponibbli”

Mistoqsi dwar fejn jara lil Balzan l-istaġun li ġej fil-Kampjonat Premier, Oliver Spiteri qal li huwa kmieni wisq biex wieħed jibda jikkumpara ma’ timijiet oħra lokali anke minħabba li ħafna mill-avversarji ma tkunx taf eżatt liema livell laħqu. Huwa qal li però jinsab kunfidenti li Balzan għandhom il-potenzjal li jerġgħu ikunu fil-parti ta’ fuq tal-klassifika.

”Ninsabu kuntenti ħafna bix-xogħol li sar minn kullħadd minn Ġunju ‘l hawn, u bl-akkwisti u l-investiment kollu li sar nemmen li għandna tim biex jerġa jkollna staġun tajjeb u nispiċċaw ma’ ta’ fuq.