Lokali

Il-qtugħ fid-dawl qed iħalli impatt negattiv fuq in-negozji u l-koperattivi f’pajjiżna – PN

Bħall-kumplament tal-familji Maltin, it-tħassib għas-sidien tan-negozji u l-kooperattivi f’pajjiżna, kompla jikber fl-aħħar jiem bil-qtugħ kontinwu tal-elettriku. L-impatt negattiv ikkawżat minn din is-sitwazzjoni bla preċedent f’pajjiżna qed joħloq problemi kbar anke fl-operat tan-negozji żgħar u medji. Il-qtugħ tad-dawl qed ifisser daqqa ‘l isfel fil-livell ta’ produttività, stock mormi kif ukoll numru ta’ negozji ma jistgħux joperaw fil-peak time tal-ħidma tagħhom.

Dan kien konfermat ukoll mill-Kamra Maltija għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (Chamber of SMEs) u anke l-Assoċjazzjoni ta’ min Iħaddem (MEA). 

Filwaqt li llum huwa fatt magħruf li f’dawn l-aħħar snin il-Gvern Laburista naqas li jippjana b’viżjoni serja fit-tul fil-qasam tal-enerġija, sforz anke tal-mudell ekonomiku żbaljat li ħaddem fl-aħħar snin, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex b’mod immedjat jara kif se jirrimedja dawn id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw is-sidien tan-negozji f’pajjiżna  b’kumpens xieraq. Issa qed joħroġ ċar li din is-sitwazzjoni ta’ kriżi Nazzjonali ħoloqha l-Gvern stess, anke minħabba nuqqas ta’ investiment fis-settur tal-enerġija. Il-pajjiż jeħtieġ soluzzjonijiet permanenti li jiggarantixxu li sitwazzjonijiet bħal dawn ma jirrepetux ruħhom, liema soluzzjonijiet jista’ jtihom biss il-PN.

Hija ħasra li l-problemi interni li għandu fi ħdanu l-Gvern Laburista qed ikomplu jikkaġunaw nuqqas serju fit-tmexxija ta’ pajjiżna, liema nuqqas qed ifisser ukoll impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dan intqal mid-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, il-Kelliem għas-Self Employed, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi.