“Impossibli tgħix mingħajr ma jkollok dawl li tista’ toqgħod fuqu l-ħin kollu- Hemm bżonn li l-Gvern ipoġġi bilqiegħda u jieħu azzjoni immedjata għaliex diversi problemi f’daqqa qed joħolqu sitwazzjoni ta’ inkwiet kbir”.
Sostna dan il-President tal-MHRA Tony Zahra fejn f’intervista ma’ Net News stqarr li l-Gvern irid isolvi l-kwistjoni tal-provvista tal-elettriku mill-aktar fis, hekk kif hawn lukandi li qed jispiċċaw ikollhom jitfu l-arja kundizzjonata, u ristoranti li jagħlqu minħabba li ma jkollhomx generator jew saħansitra jkollhom ikeċċu lil klijenti tagħhom li jkunu qed jieklu f’dak il-waqt.
Tony Zahra saħaq li huwa minnu li s-sħana tremenda mhux qed tolqot biss lil Malta imma pajjiżi oħrajn fil-Mediterran – madanakollu insista li l-poplu u s-settur fl-aħħar mill-aħħar jinteressah x’qed jiġri f’pajjiżna.
Huwa insista wkoll li ma jistax ikun li l-pajjiż jibqa’ jkun sit ta’ kostruzzjoni kollu kemm hu – u saħaq li saħansitra l-industrija tal-films qiegħda tbati minn dan.
Zahra spjega li f’pajjiżna hawn bżonn li nieħdu ħsieb l-indafa u stqarr li l-pajjiż ma jiflaħx għal din iż-żieda eżorbitanti fil-popolazzjoni. Tony Zahra insista fuq il-bżonn ta’ mudell ekonomiku ġdid; mhux ta’ aktar nies għal aktar xogħol imma li l-individwu jikkontribwixxi aktar.
Finalment Tony Zahra sostna li għandna nieħdu ħsieb lit-turisti sabiex ma jieħdux impressjoni ħażina ta’ pajjiżna.
….madanakollu għal min żar lil Malta din il-ġimgħa ċertament kellu jħabbat wiċċu ma’ dlam, sħana, tidlik u trabijiet – f’pajjiż li suppost qed ngħixu fih l-aqwa żmien.