Futbol Sport

Mbong l-eroj ta’ Ħamrun Spartans f’rebħa meritata kontra Dinamo Tbilisi

(Ritratt: Joseph Galea)

Neil Camenzuli

ĦAMRUN SPARTANS ……………..2

DINAMO TBILISI……………………..1

Ħamrun S: F.Marchetti, S.Borg, J.Mbong, R.Prsa, Ellonay L.Montebello 77’) , U.Duranovic (Jonny 77′), O.Bjelicic, S.Paintsil, N.Kristic (Eder 46’), M.Emerson, R.Camenzuli

Dinamo T: G.Loria, A.Kalandadze, S.Khvadagiani, I.Omar (L.Odisharia 70’),  D.Skhirtladze (Z.Marusic 53’),G.Kharaishvili, J.Tabidze (N.Mali 70’), B.Osei (Moistrapishvili 88′), O.Camara, G.Maisuradze

Referee: Milos Gigovic

Assistenti referees: Damir Lazic, Amer Macic

Skorjaw: Z.Marusic 60’ (D), J.Mbong 80′, 90+8′ (Ħ)

Imwissija:  Elionay 40’ , Eder 59 ‘, Djuranovic 67’, R.Prsa 74’, Jonny 90′ (Ħ) J.Tabidze 13’, I.Omar 70’, G.Margvelashvili 80′ (D)

Ħamrun Spartans dawru telfa f’rebħa f’partita missielta kontra Dinamo Tbilisi fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Europa Conference League. Dinamo Tbisili fetħu l-iskor fis-60 minuta permezz tas-sostitut Marusic, b’ Ħamrun Spartans imorru fil-vantaġġ minn doppjetta tal-eroj tagħhom Joseph Mbong fl-aħħar għaxar minuti logħob.

Ħamrun perikolużi mal-ewwel ħames minuti logħob minn korner mogħti minn Prsa lejn Duranovic fuq l-ewwel lasta, bil-konklużjoni tal-attakkant tgħaddi ftit barra.

Ħamrun għal darb’oħra perikolużi minn set piece ta’ Prsa ftit minuti wara, b’din id-darba freekick minn naħa tal-lemin jispiċċa f’idejn il-goalkeeper Loria.

Wara kwarta logħob il-midfielder laterali Elionay jittanta xortih minn barra l-kaxxa, bil-konklużjoni tiegħu ma toħloq l-ebda periklu lejn ix-xibka tal-avversarji.

Fl-20 minuta xutt ta’ Joseph Mbong mill-viċin devjat mid-difiża ta’ Dinamo.

L-ewwel nofs siegħa logħob iddominata minn Ħamrun speċjalment mis-suġġerimenti ta’ Prsa u tentattivi minn barra l-kaxxa, b’Dinamo Tbilisi jipprovaw jirrispondu fuq il-kontrattakk.

Fl-34 minuta korner għal Dinamo Tbisili jirriżulta f’daqqa ta’ ras potenti ta’ Osei u save tajjeb tal-goalkeeper Marchetti.

Ftit minuti wara tentattiv minn barra l-kaxxa ta’ Imrane Oulad Omar jispiċċa ftit barra, b’Dinamo Tbisili iktar perikolużi lejn l-aħħar kwarta tal-ewwel taqsima.

Fit-43 minuta ċans ieħor ta’ Elionay minn suġġeriment ta’ Painstil din id-darba jispiċċa f’idejn il-goalkeeper minn konklużjoni baxxa u ċentrali.

L-ewwel taqsima tispiċċa bla gowls, b’Ħamrun ikollhom il-maġġoranza tal-opportunitajiet, kif ukoll il-maġġoranza tal-pussess tal-ballun b’51%.

Dinamo Tbisili ħarġu fuq l-offensiva mill-ewwel fit-tieni taqsima, b’kontrattakk veloċi mill-midfield jispiċċa f’saqajn l-attakkant Skhirtladze u jixħet ftit barra.

Dinamo Tbisili fetħu l-iskor wara 60 minuta minn żball tad-difiża Ħamruniża, bis-sostitut Zoran Marusic jagħmel l-impatt mill-ewwel u ma jaħfirx u jixħet ġewwa.

Ħamrun Spartans irrispondew tajjeb ftit minuti minn konklużjoni minn barra l-kaxxa ta’ Roko Prsa, bil-ballun ixellef il-lasta u jmur barra.

Azzjoni oħra tajba għal Dinamo Tbisili fis-66 minuta bil-konklużjoni ta’ Osei taħbat mal-lasta l-wieqfa u tmur barra.

Seth Painstil b’daqqa ta’ras b’saħħitha devjata minn kross preċiż mix-xellug ta’ Camenzuli minn kontrattakk ftit mumenti wara l-azzjoni ta’ Dinamo.

Freekick perikoluż fit-80 minuta mogħti minn Bjelicic fil-baxx iwassal għall-gowl tad-draw wara li l-ewwel konklużjoni tal-midfielder ġiet salvata minn Loria bit-tieni konklużjoni ta’ Joseph Mbong tispiċċa fix-xibka u jġib l-iskor indaqs.

L-aħħar għaxar minuti ta’ pressjoni kbira minn Ħamrun Spartans, tant kemm hu hekk li sabu x-xibka għall-gowl tar-rebħa fl-aħħar mumenti tal-ħin miżjud permezz ta’ Joseph Mbong minn kross mix-xellug b’konklużjoni preċiża fir-rokna tal-lemin.

Il-midfielder ta’ Ħamrun Spartans Elionay iżomm il-pussess tal-ballun (Ritratt: Joseph Galea)

Seth Paintsil fl-attakk għal Ħamrun Spartans (Ritratt: Joseph Galea)

(Ritratt: Joseph Galea)