Lokali

Miriam Dalli tgħid li m’hawnx bżonn jiġi msejjaħ stat ta’ emerġenza

L-Enemalta tisħaq li għandna minimu sa tmiem il-ġimgħa biex jiġi kollox għan-normal

Għal Miriam Dalli, l-istat ta’ emerġenza mhu se jbiddel xejn. U meta mistoqsija jekk għaliha hijiex emerġenza l-fatt li n-nies saħansitra spiċċaw imutu f’din is-sitwazzjoni – il-Ministru qalet biss “Se nibqgħu iffukati”.

Dan kollu ħareġ minn briefing ieħor li sar fil-magħluq għall-ġurnalisti…fejn il-Ministru Dalli qalet li ma setghetx tanticipa din is-sitwazzjoni tal-qtugh fid-dawl, ghaliex skont hi ….ma kienux imbassra temperaturi daqstant gholjin.

Dan filwaqt li dwar l-istat ta’ emerġenza farfritha fuq il-Prim Ministru Robert Abela hekk kif insistiet li huwa biss jista’ jsejjaħha u insistiet li mhux qed tara d-differenza jew il-bżonn li dan jiġi msejjaħ.

Dwar il-fatt li l-Gvern mhux jindirizza lill-poplu, Miriam Dalli qalet biss li din il-kwistjoni mhix ballun politiku. Iżda ma tatx raġuni għaliex il-briefings mhumiex miftuħin għall-cameras, għalkemm preżenti kien hemm fotografu u mhux l-ewwel darba li ppublikat story fuq l-Instagram personali tagħha dwar il-briefing.

Bħala medja, madwar il-pajjiż qed ikollna 8 ħsarat kuljum marbuta mal-provvista tad-dawl. Kelliema għall-Enemalta spjegaw li pajjiżna għandu minimu sa tmiem il-ġimgħa sakemm il-provvista tal-elettriku tiġi lura għan-normal – la darba ma jkunx hemm aktar faults, liema faults skont Enemalta kienu jammontaw għal 81 u sissa ġew issewwew 53.