“Ninsabu mingħajr provvista ta’ dawl u ilma, inċemplu l-Enemalta ħadd ma huwa qiegħed iweġibna, inċemplu l-Water Services kull ma tirrispondina hija answering machine li tgħidilna litanija ta’ lokalitajiet li m’għandhomx provvista tal-ilma”.
Dan huwa biss kumment wieħed mid-diversi telefonati li dalgħodu Net News qiegħed jirċievi ta’ persuni fi stat ta’ frustrazzjoni u disprament. Individwu li tkellem magħna sostna li fil-lokalità tan-Naxxar ilu mingħajr provvista tal-ilma mis-6:30pm tat-Tnejn filwaqt li l-provvista tal-elettriku marret mas-7am u għadha ma ġietx.
Persuna oħra spjegat li għall-ħames lejl konsekuttiv kellu jqattgħu mingħajr dawl. Bosta spjegaw li ma jistax ikun li l-affarijiet jibqgħu sejrin hekk b’ansjetà kbira u l-ħsieb li mhux jekk imma meta se jkun qiegħed jinqata’ d-dawl.
Numru ta’ persuni saħqu li jinsabu ferm inkwetati minħabba l-anzjani tagħhom, dawk li għandhom kundizzjoni jew oħra, kif ukoll l-annimali domestiċi – b’uħud li għandhom il-provvista tal-ilma maqtugħ jirrakkontaw li qed ixarbu lill-klieb tagħhom permezz tal-ilma tal-air conditioner li jżommu fi bramel.
Preżentament Net News jinsab infurmat li sal-10am tat-Tlieta m’hemmx provvista tal-elettriku f’partijiet minn dawn il-lokalitajiet: M’Scala, Mosta, Naxxar, San Pawl tat-Tarġa, Żejtun, Tarixen, Żabbar, Sliema, San Ġwann, Ħaż-Żebbuġ, San Ġiljan, u partijiet minn Ħal Qormi. Dan filwaqt li f’lokalitajiet bħall-Iklin, il-provvista tal-ilma f’numru ta’ toroq waqfet kompletament.
Quddiem din il-kriżi l-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jirreżisti milli jitlaqqa’ l-Parlament b’urġenza sabiex dawk il-persuni li eleġġa l-poplu sabiex jirrappreżentah jiddiskutu din il-kriżi nazzjonali mingħajr ebda preċedent.
Għaliex mhux isiru konferenzi għall-media?
F’post fuq Facebook, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino stqarr illi wara 9 t’ijiem, ħadd m’għad fadallu fiduċja li Robert Abela u Miriam Dalli se jsolvu l-problema.
“L-inkompetenza tagħkom u ta’ sħabkom issa qed tipperikola ħajjet in-nies. Spiċċajna bi sptar bla dawl, familji u negozji bla dawl u issa anki bla ilma. L-inqas ħaġa li jistgħu jagħmlu hu li jieqfu jaħarbu u jwieġbu l-mistoqsijiet f’konferenza stampa, forsi tkun LIVE fuq is-Super One 2 ukoll – dawk iħobbu jagħtuhom l-exposure. It-trasparenza hija ħaġa bażika li nistennew f’dan il-mument.”
Michael Piccinino fakkar kif jumejn ilu l-Gvern kien qal li kollox ġie lura għan-normal, u allura “bir-raġun kulħadd jinkwieta jekk in-normal il-ġdid jinkludi sptar u nofs Malta bla dawl, u ammomt ta’ lokalitajiet bla ilma.”
//= $special ?>