“Il-Gvern ta’ Robert Abela għandu jiddikjara stat ta’ emerġenza nazzjonali minnufih”
Dan hu dak li ntqal matul konferenza tal-aħbarjiet indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża Mark Anthony Sammut fid-dawl tad-9 jum ta’ blackouts kontinwa madwar il-pajjiż, bl-aħħar sigħat ikunu kkaraterizzati minn blackouts anki fl-isptar Matar Dei.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista li l-Gvern insista li lil Vitals u lil Steward il-Gvern tal-Labour tahom ‘il fuq minn €400 miljun minn flus il-poplu Malti u Għawdxi, imma dawn ma investew xejn fil-kura tal-poplu. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista mill-ġdid jinsisti kemm kien ikun aħjar kieku dawn il-flus intużaw għal investiment xieraq fid-distribuzzjoni tad-dawl. Kieku l-miljuni li uża l-Gvern Laburista għall-korruzzjoni sar investiment fid-distribuzzjoni tad-dawl, kieku llum mhux insibu problemi fid-distribuzzjoni, biex il-poplu jkollu d-dawl.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li s-sejħa lill-Gvern biex jiddikjara emerġenza nazzjonali għax jeħtieġ li l-Gvern juża r-risorzi kollha meħtieġa u disponibbli biex ikunu ta’ assistenza lill-poplu li qed ibati minn sofferenzi kbar kaġun ta’ dan in-nuqqas.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li ninsabu fi kriżi nazzjonali kaġun tan-nuqqas ta’ pjanar u nuqqas ta’ investiment fl-aħħar 10 snin mill-Gvern tal-Labour. B’Robert Abela jinsab fi stadju ta’ holiday mode u lanqas biss aċċetta li jitlaqqa’ l-Parlament b’urġenza għax Abela ma jridx jaċċetta li daħħalna fi kriżi nazzjonali.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalist qal li ġimgħa ilu sejjaħ lil Robert Abela biex jsejjaħ li hawn kriżi nazzjonali. Filwaqt li meta talab li l-Parlament jitlaqqa’, Robert Abela rrifjuta, u qal li din hija biss gimmick politika. Illum imma l-kriżi nazzjonali li Robert Abela rrifjuta li jara saret realtà li qed jgħixha l-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Kelliem Mark Anthony Sammut qal li hekk kif għal ħafna familji għadu għaddej il-martirju tal-qtugħ fil-provvista tal-enerġija. Minn Wied il-Għajn, sal-Mosta, in-Naxxar, u San Pawl tat-Tarġa. Miż-Żejtun, għal Ħal Tarxien, Ħaż-Żabbar, Tas-Sliema, San Ġwann, Ħaż-Żebbuġ, San Ġiljan, u anke partijiet minn Ħal Qormi. Dan apparti li anke l-ilma, f’ħafna irħula, waqaf kompletament.
Il-Kelliem sostna l-ħtieġa li min imexxi pajjiża għandu jkun iktar responsabbli għal dak li għaddejjin minnu. Dan hekk kif il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku qed jolqot lil eluf ta’ familji u anke lil bosta ħaddiema li jsofru minn ċertu kundizzjonijiet. Id-Deputat Nazzjonalista qal li bosta persuni jiddependu fuq l-elettriku biex jieħdu t-trattament li għandhom bżonn għall-kundizzjoni tagħhom proprju mid-dar tagħhom stess. Kien għalhekk li bosta pazjenti ma setgħux ikomplu bit-trattament tagħhom proprju minħabba dan il-qtugħ tad-dawl.
Il-Kelliem saqsa jekk hux vera li kien hemm persuni li ddaħħlu l-isptar f’emerġenza jew li sofrew kumplikazzjonijiet ulterjuri kaġun tas-sħana, dan hekk kif in-nuqqas fil-provvista tal-elettriku waslet biex aktar nies isejħu għall-għajnuna medika.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li din il-kriżi ġiet frott in-nuqqas u l-inkompetenza fit-tmexxija tal-Gvern ta’ Robert Abela, in-nuqqas ta’ direzzjoni minn Miriam Dalli. In-nuqqas ta’ investiment li wettaq f’dawn l-aħħar snin f’dan is-settur u mhux biss.
Mill-ġdid il-Partit Nazzjonalista appella biex il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli terfa’ r-responsabbiltà politika u tirriżenja.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għalaq din il-konferenza tal-aħbarjiet billi qal li Robert Abela falla milli jagħti assigurazzjoni, naqas milli jagħti l-aktar affarjiet bażiċi lill-poplu Malti u Għawdxi. Robert Abela naqas milli jagħti serħan il-moħħ u abbanduna lill-poplu u lill-pajjiż.
//= $special ?>