Seba’ tobba ġew illiberati minn akkuża ta’ qtil involontarju ta’ tifla ta’ sentejn, każ li seħħ fi Frar tal-2011. Il-vittma kienet mietet bil-meninġite fl-isptar Mater Dei. Hi kienet ittieħdet l-isptar St James għax kellha l-istonku mqalleb.
Wara li ngħatat il-mediċina, ttieħdet lura d-dar. Minħabba li jum wara xorta kien għad għandha d-deni, iċ-ċkejkna ingħatat tip ta’ mediċina differenti, u wara ttieħdet l-isptar Mater Dei. Għal xi raġuni t-test tal-urina tat-tifla ma tteħidx għall-eżaminazzjoni fil-laboratorju, u ma ngħatatx l-antibiotiċi li kellha bżonn.
L-omm kienet insistit li t-tabib li kien l-ra lit-tifla oriġinarjament, u li wkoll jaħdem l-isptar Mater Dei, jerġa jinvistaħha. Kiener qalet li kienet kellmet ukoll ma’ tabib ieħor, li qal li t-tifla kellha infezzjoni kkawżata minn batterji. Meta qalet dan lill-ewwel tabib, dan qalilha li kien hu li kellu jiddeċiedi x’kellha t-tifla.
It-tobba li kienu lliberati mill-Maġistrat Rachel Montebello huma ħames nisa u żewġt irġiel u li ma jistgħux jissemmew għax hemm divjet tal-pubblikazzjoni. Il-Qorti wara li semgħet il-provi kkunsidrat li ma rat l-ebda sitwazzjoni fejn xi wieħed mill-akkużati kien rinfaċċjat b’sintomi jew stampa klinika li kellhom raġjonevolment iqanqlu suspett ta’ meninġite u minkejja dan, baqa’ ordnax it-trattament jew proċedura ndikata biex din id-dijanjosi tiġi konfermata u kkurata.
Kif diġa’ ġie stabbilit, anke mill-konklużjonijiet u xhieda tal-espert ġudizzjarju fosthom il-Professur Anthony Busuttil, ma hemm xejn fin-notamenti u l-istampa klinika oġġettivament riskontrabbli mill-file mediku tat-tifla, lanqas fil-provi u x-xhieda proċesswali, li juri li l-pazzjenta ppreżentat xi sintomu speċifiku għall-meningite u li kellu jqanqal f’xi wieħed jew iktar millimputati suspett raġjonevoli ta’ meninġite.
Il-Qorti qalet li anke minn perspettiva ġenerali, il-Prosekuzzjoni ma seħħilhiex tipprova fil-grad meħtieġ għal sejbien ta’ ħtija kriminali, li xi ħadd mill-imputati ma wettaqx eżami komplut, naqas milli jamministra b’mod xieraq il-kura li kienet raġjonevolment indikata fil-kwadru tas-sintomi u l-istorja klinika tal-pazjenta.
Lanqas li ma mexiex skont il-prattika u proċedura tajba medika jew b’kondotta li ma tilħaqx l-istandard ordinarjament mistenni minn professjonist mediku prudenti u diliġenti f’xi aspett tal-kura tat-tifla. Fil-fatt, mhux il-każ fejn il-pazjenta kienet ġiet traskurata.
Lanqas li ma ġietx invistata minn tobba għal tul ta’ żmien jew fejn kellha sintomi li kienu jimmeritaw interventi invażivi jew fejn ingħata trattament ħażin jew mhux indikat, għal xi kundizzjoni identifikata. Huwa indiskuss illi ġew kondotti eżamijiet kliniċi regolari ħafna, ġew ordnati testijiet tad-demm u l-pazjenta nżammet taħt osservazzjoni regolari.
It-tip ta’ infezzjoni li ħadet il-ħajja tat-tifla tista’ turi ċertu sintomi, u tista’ ma tidhirx. Kollox magħdud, u kif kkonkluda l-espert ġudizzjarji il-Professur Anthony Busuttil, mhux identifikabbli fil-kondotta ta’ xi wieħed jew iktar mill-imputati, xi azzjoni li tat lok għal riskju għas-saħħa u ħajja tat-tifla.
Jew li kellu jkun prevedibbli għal tabib kompetenti u raġjonevoli fl-istess ċirkostanzi, jew xi ommissjoni
li xi ħadd minnhom baqgħu passivi meta l-prudenza ordinarja – diversament mid-diliġenza straordinarja – kienet tesiġi azzjoni speċifika.
Hi għalhekk nieqsa l-prova fil-grad meħtieġ għas-sejbien ta’ ħtija kriminali, ta’ kull imputat li bl-aġir tiegħu kkaġuna danni li kkawża l-mewt tat-tifla. Il-Qorti qalet ukoll li fuq kollox, hi nieqsa wkoll il-prova lil hinn minn kull dubju raġjonevoli li l-mewt tal-pazjenta kienet prevedibbli.
Dan fil-kwadru tal-istorja medika tagħha u tas-sintomi li kienu preżenti meta l-imputati nvistawha individwalment, għaliex filwaqt li dawn is-sintomi kienu indikattivi ta’ infezzjoni akuta u baqgħu konformi ma’ dijanjosi ta’ gastro-enterite, jeżisti dubju altru minn raġjonevoli li dawn kienu indikattivi ta’ meninġite u li kienu jeħtieġu azzjoni indikata.
Fil-fehma tal-Qorti, il-provi juru li kull wieħed mit-tobba ndividwalment mexa b’mod adegwat u raġjonevoli abbażi tar-riżultanzi tal-eżamijiet kliniċi u l-istorja tal-pazjenta u b’kondotta li hi raġjonevolment konformi mal-prattika tajba u stabbilita fil-kamp mediku.
Il-Qorti hi sodisfatta li kull wieħed minnhom għamel dak kollu li kien raġjonevolment u ordinarjament mistenni minn tabib prudenti li kif rajna, m’huwiex obbligat jaddotta jew jordna li jittieħdu miżuri
ultra-kawtelatorji jew difensivi li fiċ-ċirkostanzi ma jkunux indikati jew meħtieġa.
Għalhekk jikkonsegwi illi l-ħtija ta’ ebda wieħed mill-imputatri ma ġie ppruvat fil-grad meħtieġ għas-sejbien ta’ ħtija kriminali għar-reat taħt l-artikolu 225 tal-Kap. 9. Għal dawn il-motivi kollha, ma ssibx ħtija lil dawn it-tobba li għalihom deheru l-avukati Jose Giglio u Michael Sciriha, li flimkien ma’ Lucio Sciriha deher għal sitta mit-tobba.
//= $special ?>