Futbol Sport

Tazza tad-Dinja tan-Nisa: Il-Filippini jwettqu l-ewwel sorpriża tal-kompetizzjoni

(Ritratt: EPA)

Grupp A:

NEW ZEALAND…….0

FILIPPINI……………….1

Hekk kif bdew il-logħob mit-tieni round tal-gruppi, l-organizzaturi n-New Zealand ħadu daqqa ta’ ħarta għall-kwalifikazzjoni hekk kif b’sorpriża sfaw megħluba 1-0 mill-Filippini biex issa tliet timijiet għandhom 3 punti fi Grupp A.

Din kienet rebħa storika għall-Filippini, l-ewwel waħda fl-istorja tat-tim tan-nisa fit-Tazza tad-Dinja li qed jiddebutta f’din il-kompetizzjoni.

Minkejja li n-New Zealand kellhom l-aktar mil-logħob u pussess tal-ballun, il-Filippini skorjaw fl-24 minuta dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa meta l-kross ta’ Sara Kristine Eggesvik sab lil Sarina Bolden li b’daqqa ta’ ras mill-viċin għelbet lil Esson.

Fl-64 minuta n-New Zealand marru viċin il-goal tad-draw meta s-sostituta Olivia Chance għaddiet ballun lejn Jacqui Hand li x-xutt mill-ewwel tagħha ħabat mal-wieqfa u spiċċat f’idejn il-goalkeeper tal-Filippini.

Fit-tieni minuta tal-ħin miżjud McDaniel salvat ir-rebħa lill-Filippini meta wettqet save mill-isbaħ fuq xutt bid-dawra ta’ Grace Jale biex l-iskor baqa’ ma nbidilx u l-Filippini rebħu l-ewwel rebħa u skorjaw l-ewwel gowl fl-istorja tagħhom f’Tazza tad-Dinja.