L-istħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir juri li Net TV u Net FM komplew iżidu l-udenzi tagħhom, b’qabża pożittiva ‘l fuq kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ telespettaturi li jsegwu l-programmi tat-televiżjoni kif ukoll is-semmiegħa li jsegwu fuq ir-radju.
Iċ-ċifri juru li fuq sena, Net TV żied l-udjenzi tiegħu minn 12% għal 14%. Dan meta One TV naqqas minn 25% għal 17% – biex b’hekk iż-żewġ stazzjonijiet ġew ras’imb ras.
Bħala medja, kull ġimgħa, dawk li jaraw Net TV telgħu minn 6.5% għal 10.2%. Filwaqt li dawk li jaraw l-istazzjon Laburista naqsu minn 17% għal 12.8%.
Fejn jidħol ir-radju Net FM tela’ fil-ħames post bħala l-isktar stazzjon tar-radju segwit f’pajjiżna. U minn 6.2% f’Ġunju tas-sena li għaddiet, l-udjenzi żdiedu għal 10.4%.
Interessanti l-istatistika ta’ kemm isegwu nies Net FM fuq bażi ta’ ġimgħa sħiħa. Bħala medja, dawn żdiedu minn 5.8% għal 13%, biex b’hekk Net FM tela’ mis-seba’ post għar-raba’ post. B’dan ir-riżultat, Net FM qabeż stazzjonijiet kompetituri bħal Bay u Vibe FM.