Sport Sport Ieħor

Golf: Schulze Doering fit-tieni post fl-Ungerija

Il-golfer Malti Laurens Schulze Doering temm fit-tieni post fit-63 edizzjoni tal-Hungarian Amateur Open Championship li sar fl-Ungerija.

Schulze Doering kien qed jiddefendi t-titlu mirbuħ is-sena li għaddiet. Il-logħob kien maqsum fi tlett ijiem fejn intlagħbu tliet rounds li kien fihom 54 hole.

Laurens Schulze Doering kellu punteġġ ta’ 72, 69 u 72 sabiex kellu skor kumplessiv ta’ -3 sabiex temm fl-ewwel post tal-klassifika flimkien ma’ Bence Somogyi u Jakob Balkovec.

Wara dan ir-riżultat, kellu jkun deċiż l-eventwali rebbieħ b’sudden death bit-tliet golfers kostretti li jagħmlu rounds żejda.

Wara it-tieni play-off hole, Schulze Doering naqas li jżomm il-pass mar-rebbieħ eventwali Bence Somogyi minkejja li rnexxielu jtemm fit-tieni pożizzjoni.