Internazzjonali

Iċ-Ċina: It-tkeċċija ta’ Ministru x’aktarx kienet manuvra politika li riflettiet ħażin fuq Xi Jinping

It-tkeċċija, fil-bidu tal-ġimgħa, ta’ Qin Gang minn Ministru għall-Affarijiet Barranin żvelat li li l-Gvern taċ-Ċina qed jiffaċċja ‘sensiela ta’ problemi pubbliċi’ u diżgwid intern li jirriflettu ħażin fuq il-Mexxej Ċiniż innifsu Xi Jinping.

Fil-fatt, it-tneħħija ta’ Qin – għal raġunijiet li baqgħu mhux spjegati – mill-Ministeru kompla jżid l-ispekulazzjoni, speċjalment minħabba l-fatt li hu kien ilu seba’ xhur biss f’dan ir-rwol.

Sadanittant – u wara laqgħa ta’ emerġenza għall-Gvern f’Beijing – hu ċert, issa, li Wang Yi, li kien Ministru għall-Affarijiet Barranin qabel Qin Gang, se jieħu f’idejh, għalissa, ir-responsabbiltajiet tal-Ministeru. Dan meta t-tkeċċija umiljanti ta’ Qin Gang  kienet drammatika daqs l-avvanzi li hu kien għamel fil-ġerarkija tat-Tmexxija f’Beijing.

L-osservaturi barranin qalu li l-Ministru Ċiniż ġdid għall-Affarijiet Barranin x’aktarx li jkun ikkonfermat mill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu f’Marzu li ġej.

Taħt is-sistema tal-Partit Komunista taċ-Ċina, il-politika barranija tal-pajjiż titmexxa minn uffiċjal ta’ livell għoli li, imbagħad, jgħaddi d-direttivi lill-Ministru għall-Affarijiet partikulari biex jimplimenta dik il-politika.

Fl-istess ħin, is-silenzju uffiċjali dwar l-għajbien ta’ Qin għal ġimgħat mix-xena pubblika qed ikompli jixpruna l-ispekulazzjoni dwar x’inhu jseħħ tassew fil-Gvern ta’ Xi Jinping fost iċ-Ċiniżi u anki barra l-pajjiż.

U waqt li s-sitwazzjoni qed tkun diskussa anki fuq l-Internet taċ-Ċina, l-osservaturi qalu li mhix ‘normali’ li diskors sensittiv bħal dan li jirrigwarda uffiċjal tal-Gvern jitħalla għaddej mingħajr forma ta’ ċensura mis-sistema komunista f’Beijing.