Lokali

Il-Gvern kien ilu mwissi bil-problemi fid-distribuzzjoni tad-dawl, iżda baqa’ m’għamel xejn – SĦPN

Illum għandna monument ħaj ta’ kif għall-korruzzjoni qed iħallas iċ-ċittadin.

Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) trodd ħajr u turi solidarjetà ma’ dawk il-ħaddiema li qed jesperjenzaw pressjoni kbira f’xogħlhom minħabba l-kriżi u emerġenza nazzjonali li għaddejjin minnha minħabba l-qtugħ kontinwu tal-elettriku f’diversi bnadi tal-pajjiż. B’mod partikolari nsemmu l-ħaddiema tal-kumpanija Enemalta li qed jaħdmu lejl u nhar biex isewwu l-ħsarat, u l-istaff Mediku u oħrajn li jaħdmu l-Isptar Ġenerali Mater Dei u l-isptar Monte Carmeli.

Il-Gvern ilu mwissi mill-professjonisti fil-qasam tal-enerġija li s-sistema tad-distribuzzjoni u l-infrastruttura f’diversi nħawi ma tiflaħx għal meta d-domanda titla’ f’livelli rekord. Madankollu l-Gvern fl-aħħar 10 snin ta’ tmexxija Laburista, kien iktar ħsiebu kif se jberbaq flus il-poplu fi proġetti frawdolenti jew kif se jħaxxen il-bwiet tal-ftit milli biex jaqdi bis-serjetà l-ħtiġjiet tal-Poplu u l-ġid komuni. Illum ilkoll għandna monument ħaj ta’ kif għall-korruzzjoni qed iħallas iċ-ċittadin.

Apparti l-iljieli fis-sħana għal eluf ta’ familji, SĦPN turi solidarjetà man-negozji li tilfu ġranet sħaħ ta’ xogħol, partikolarment dawk il-ħwienet iż-żgħar li kellhom jagħlqu jew jibqgħu magħluqin. Il-Partit Nazzjonalista ilu jwissi s-snin dwar il-qagħda prekarja li qed iġib il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna dan il-Gvern, b’nuqqas kbir fil-kwalità tal-ħajja tal-individwi. L-SĦPN tibqa’ impenjata li tkun vuċi għall-ħaddiema biex il-pajjiż jinvesti fi kwalità ta’ ħajja u mhux il-kwantità li dejjem tnaqqar dak li bnejna matul is-snin.  

L-SĦPN jappella l-Imsieħba Soċjali biex jaċċettaw it-talba tal-Kamra tal-Kummerċ li jitlaqqa’ l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) u jtennu l-ħtieġa li l-affarijiet ma jistawx jibqgħu għaddejjin kif inhuma.