Enerġija Lokali

IL-KRIŻI TAD-DAWL: Għad hemm 22 ħsara f’lokalitajiet differenti

Għall-10 jum konsekuttiv, eluf ta’ familji għadhom bla provvista tad-dawl; bil-kumpanija Enemalta tgħid illi sa issa sewwiet 59 mit-82 ħsara irreġistrata f’dawn l-aħħar ijiem. Dan ifisser li preżentament għad hemm 22 każ ta’ qtugħ – meta l-Prim Ministru, il-Ħadd, kien wiegħed li s-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal.

Fi stqarrija, l-Enemalta qalet illi għadd ta’ timijiet ta’ tekniċi u Inġiniera qegħdin jaħdmu lejl u nhar sabiex jitlestew it-tiswijiet neċessarji u jerġgħu jiġu enerġizzati l-cables affettwati.

Skont l-Enemalta, l-unika ħsara fis-sistema ta’ vultaġġ għoli li ġiet irreġistrata t-Tlieta filgħaxija affettwat
konsumaturi fin-naħat ta’ Ħal Safi u Ħal Kirkop – għalkemm fir-realtà, kien hemm ħafna aktar lokalitajiet li spiċċaw mill-ġdid bla dawl.

Konsumaturi li jesperjenzaw diffikultajiet fil-provvista tal-elettriku għandhom jinfurmaw lill-Enemalta direttament u jirrapurtaw il-ħsara billi jċemplu lit-tim tal-Customer Care tal-Enemalta fuq 8000 2224 jew billi jċemplu l-Helpline 153.