Lokali Saħħa

“Il-pazjenti u l-ħaddiema tas-saħħa mhumiex prijorità għall-Gvern ta’ Robert Abela” – Bernard Grech

“Is-settur tas-saħħa huwa settur ieħor li qed ibati minħabba n-nuqqas ta’ ppjanar u deċiżjonijiet ħżiena ta’ Robert Abela”

Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’post fuq il-midja soċjali hekk kif il-lejl li għadda jidher li kien hemm taħwid kbir fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei.

Bernard Grech qal li kieku kien ikollna servizz ferm aħjar kieku l-€400 miljun li l-Gvern ta lil Vitals u Steward kienu investitu veru sabiex ikun hawn sptarijiet ġodda. Hawnhekk huwa qal li kieku kien ikun hawn investiment serju għall-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u dak ta’ Għawdex l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema f’dan is-settur kienu jmorru għall-aħjar.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq għall-Gvern ta’ Robert Abela l-pazjenti u l-ħaddiema tas-saħħa mhumiex prijorità iżda l-prijorità huma dawk tal-qalba.

Dan filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema għall-ħidma kontinwa tagħhom f’sitwazzjonijiet xejn faċli b’kundizzjonijiet ta’ xogħol li ma jgħinux.