Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mal-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża Mark Anthony Sammut u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar ippreżentaw mozzjoni ta’ sfiduċja fil-konfront tal-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli.
Dan sar fl-isfond tal-kriżi u l-emerġenza nazzjonali qed jiffaċċja l-pajjiż wara li Miriam Dalli naqset milli tirrikonoxxi l-kriżi li ninsabu fiha, b’eluf ta’ kuljum qed ibatu minn blackouts kontinwa għal sigħat twal.
Il-Partit Nazzjonalista ilu kważi ġimgħa li talab biex jitlaqqa’ l-Parlament b’urġenza biex jiddiskuti din il-materja, Robert Abela iżda rrifjuta, u qal li din hija biss gimmick politika. Illum imma l-kriżi nazzjonali li Robert Abela rrifjuta li jara saret realtà li qed jgħixha l-poplu Malti u Għawdxi ta’ kuljum.
La darba Miriam Dalli ma kinitx kapaċi tindirizza b’mod xieraq in-nuqqasijiet li kkawżat hi stess, il-posizzjoni tagħha m’għadhiex kredibbli u għalhekk il-Partit Nazzjonalista qiegħed jesiġi li jiltaqa’ l-Parlament biex jiddiskuti din il-mozzjoni.
//= $special ?>