Lokali

Il-produzzjoni tal-ħalib milquta wkoll mil-kriżi tal-enerġija

l-kumpanija li tipproduci l-ħalib lokali esperjenzat diffikultajiet fil-produzzjoni kawża tal-qtugħ fis-servizzi tal-eletriku. B’riżultat li fost dawk milquta….kien hemm ir-residenti ta’ San Vincenz De Paul.

Net News jista’ jikkonferma li f’San Vincenz, id-distribuzzjoni tal-ħalib kienet għadha ma waslitx sal-10am. Dan meta issoltu, il-provvista tal-ħalib f’din ir-residenza tasal għall-ħabta tas-7am.

Il-kumpanija qaltilna li l-ħalib ġie provdut aktar tard lid-djar tal-anzjani kollha inkluż San Vincenz de Paul… kif ukoll fl-isptar Mater Dei.

Il-Malta Dairy Products bħalissa qed tesperjenza diffikultajiet biex iżżomm il-livelli ta’ produzzjoni tal-ħalib tas-soltu. U l-qtugħ tad-dawl fil-fabbrika qed ixekkel b’mod sinifikanti l-kapaċità li jiġu prodotti l-kwantitajiet ta’ ħalib tas-soltu …u li huma meħtieġa biex tintlaħaq id-domanda.

Għal din ir-raġuni, il-kumpanija għażlet li tagħti prijorita lill-produzzjoni tal-ħalib bi 2.5% xaħam kif ukoll il-ħalib pasturiżżat – prodotti oħra li mhumiex essenzjali ser ikun qed jinħadmu inqas frekwenti.

Il-kumpanija qalet illi filwaqt li l-backup generators qed jaħdmu, dawn qed ibatu biex ilaħħqu minħabba s-sħana eċċessiva. U minbarra l-isfidi tal-elettriku, il-kumpanija qed tiffaċċja wkoll produzzjoni anqas tal-ħalib mill-baqar lokali.