Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tikkonferma sentenza ta’ ħabs lil George Degiorgio talli hedded uffiċjal fuq ‘parking ticket’

George Degiorgio, wieħed mill-persuni misjuba ħati li wettaq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, tilef l-appell tiegħu kontra kundanna talli hedded uffiċjal tal-pulizija minħabba vjolazzjoni ta’ parkeġġ. F’Jannar 2017, Degiorgio kien ingħata sentenza ta’ seba’ xhur ħabs u mmultat €2,000 fuq l-inċident ta’ Mejju 2016 fi Triq Sir Luigi Preziosi, San Pawl il-Baħar.

Sussegwentement ġie ppreżentat appell, bl-argument fost l-oħrajn, li kien ġie akkużat taħt l-artikolu ħażin tal-liġi u li r-reati kienu preskritti. Il-Qorti kienet semgħet kif uffiċjali tal-pulizija kienu nnotaw Chevrolet Corvette C7 ipparkjata fuq il-bankina fuq linja safra doppja, qrib roundabout.

L-uffiċjali kienu staqsew lil Degiorgio jekk il-karozza kinitx tiegħu u hu wieġeb “Ħeqq, mela tiegħek jew?” Meta mistoqsi mill-pulizija biex iċċaqlaq il-karozza u jipparkjaha fi spazju legali, Degiorgio ma wera l-ebda intenzjoni li jikkonforma u ma qamx minn fuq is-seat tal-karozza.

L-uffiċjali reġgħu staqsewh, u wissew li kien se jiġi mmultat jekk jonqos milli jagħmel dan. Degiorgio kien imbagħad wieġeb li “mhux problema” u qam biex imexxi l-karozza. L-uffiċjali komplew bix-xogħol tagħhom.

Meta rritornaw, madwar 10 minuti wara, il-karozza kienet tmexxiet għan-naħa opposta tat-triq u pparkjata fuq linja safra doppja oħra. Meta uffiċjal tal-pulizija ġibed l-attenzjoni ta’ Degiorgio għal dan il-fatt, l-imputat sar irrabjat, u beda jgħajjat ​​mal-uffiċjal, jisħet is-siegħa u l-mument li ltaqa’ miegħu, u qal lill-pulizija li kien se jpattielu jekk joħroġ it-‘ticket’.

Degiorgio irrifjuta li jagħti l-partikolaritajiet tiegħu u reġa’ hedded lill-pulizija b’tpattija, billi pproklama li ma kien jibża’ mill-ebda pulizija jew uffiċjali. Meta waslu aktar uffiċjali fuq il-post, Degiorgio tefa’ l-biljett tal-parkeġġ li kien għadu kemm inħareġ, mal-art.

Din il-verżjoni tal-avvenimenti kienet ġiet ikkorroborata minn uffiċjali oħra. F’dan il-każ kien xehed George Degiorgio stess, li qal lill-Qorti li kien mar jiġbor pizza ħames minuti qabel l-inċident. Qal li l-pulizija kienu avviċinawh u kienu “kellmuh b’arroganza kbira” u qalulu biex imexxi l-karozza tiegħu. Imbagħad kien mexxiha għan-naħa l-oħra tat-triq, spjega l-imputat.

Qal li meta uffiċjal tal-pulizija reġa’ lura ftit minuti wara u ħareġ biljett tal-parkeġġ xorta waħda, kien qallu li kien se jħallsu lura. Degiorgio sostna li “ħafna nies jipparkjaw hemm u ħadd minnhom ma jieħu ‘ticket’.” Waqt li ddeċieda l-appell, l-Imħallef Neville Camilleri osserva li għalkemm Degiorgio sostna li obda lill-pulizija u mexxa l-vettura, il-provi wrew mod ieħor.

Il-Qorti qalet li hija ċerta li l-ordni tal-pulizija ma kinitx li jċaqlaq il-karozza minn linja safra doppja għal oħra bħala. Bl-istess mod it-talba tiegħu li ma kien hemm ebda prova li kien irrifjuta li jagħti d-dettalji tiegħu lill-pulizija, kienet kontradetta mill-evidenza.

L-akkużi kontrih kienu nħarġu inqas minn xahrejn wara l-inċident u għalhekk lanqas ma ġew preskritti. Fir-rikors tiegħu għall-appell, George Degiorgio kien sostna wkoll li qatt ma kellu jinstab ħati li kiser il-paċi pubblika.

L-Imħallef laqa’ dan l-aggravju, filwaqt li nnota li l-ebda prova jew xhieda ma kienet esebita mill-prosekuzzjoni biex issostni din l-akkuża. Il-bqija tar-raġunijiet li fuqhom Degiorgio bbaża l-appell tiegħu ġew miċħuda. L-Imħallef ikkonferma s-sentenza ta’ seba’ xhur ħabs u €2,000 multa.